European Economic
and Social Committee
Affarijiet soċjali
L-UE għandha 25 miljun persuna qiegħda u 122 miljun persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dawn iċ-ċifri jitolbu li jkun hemm aktar konverġenza ekonomika sabiex ikun hemm titjib fil-ħajjiet taċ-ċittadini tal-Ewropa. Filwaqt li l-politiki inklużivi u attivi tas-suq tax-xogħol huma kruċjali sabiex il-persuni jkollhom impjiegi deċenti, huma fundamentali wkoll sistemi ġusti u effiċjenti ta' protezzjoni soċjali biex tiġi żgurata protezzjoni soċjali għal kulħadd kif ukoll l-inklużjoni soċjali ta’ dawk li għadhom esklużi mis-soċjetà.
L-affarijiet soċjali jkopru l-impjiegi deċenti, is-sigurtà soċjali, il-protezzjoni u l-inklużjoni, it-tnaqqis tal-faqar, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-persuni b’diżabilità, il-ħtiġijiet tat-tfal u tal-familji, taż-żgħażagħ, tal-anzjani u tal-minoranzi bħar-Rom, l-aċċess għas-saħħa, il-ġustizzja, l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport, il-volontarjat u ċ-ċittadinanza attiva. L-għan ewlieni tal-affarijiet soċjali, komuni għas-suboqsma kollha, huwa li l-persuni jitpoġġew fuq livell indaqs fiċ-ċentru tal-politika soċjali u l-istrument politiku ewlieni tagħhom fil-livell tal-UE huwa l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Temi relatati mill-qrib huma l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-migrazzjoni u l-asil u d-drittijiet fundamentali u dawk taċ-ċittadini, li huma wkoll koperti l-iżjed mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC). L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tas-Sezzjoni SOC jissorvelja b’mod speċifiku l-isfidi li jaffettwaw il-forza tax-xogħol u s-suq tax-xogħol tal-Ewropa. Il-gruppi ta’ studju tematiku dwar id-drittijiet marbuta mad-diżabilità u dwar l-inklużjoni tar-Rom jittrattaw dan it-tħassib speċifiku. Barra minn hekk, permezz tal-Opinjonijiet tiegħu f’dan il-qasam, il-KESE stabbilixxa acquis soċjali konsiderevoli.