European Economic
and Social Committee
Relazzjonijiet mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea
Il-KESE jmexxi network ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, li magħhom il-KESE jikkondividi missjoni u kariga: ilkoll jgħinu biex tinbena l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi. Fil-parti l-kbira tas-27 Stat Membru tal-UE, hemm kunsill ekonomiku u soċjali nazzjonali li jiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi.
Il-“Laqgħat Annwali tal-Presidenti u s-Segretarji Ġenerali tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali tal-UE u tal-KESE” li jsiru b’mod informali saru l-pilastru ewlieni ta’ din il-kooperazzjoni strutturata u fit-tul. Dawn għandhom l-għan li jiskambjaw fehmiet dwar il-kompożizzjoni, l-operat u l-ħidma li għaddejja tal-istituzzjonijiet rispettivi u li jagħmlu użu mill-aħjar prattiki u jiddiskutu kwistjonijiet topiċi Ewropej u kwistjonijiet koperti mill-kunsilli ekonomiċi u soċjali kollha.
Fid-dawl tal-integrazzjoni Ewropea, it-trasformazzjoni teknoloġika u l-globalizzazzjoni dejjem tiżdied li għaddejjin bħalissa, il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar speċifika ffukata fuq il-kwistjonijiet Ewropej ewlenin attwali saret aktar urġenti. Illum, il-laqgħa annwali tal-presidenti u s-segretarji ġenerali normalment tilħaq il-qofol tagħha f’dikjarazzjoni konġunta li tinkludi rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti konkreti dwar il-politiki tal-UE indirizzati lill-presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej.
F’termini aktar prattiċi, il-kooperazzjoni sseħħ fi ħdan il-Grupp Ad Hoc dwar is-Semestru Ewropew tal-KESE, f’konferenzi u seminars konġunti regolari dwar kwistjonijiet topiċi u permezz tal-portal konġunt CESlink.
Għalkemm l-istruttura organizzattiva, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali jvarjaw b’mod sostanzjali, il-kooperazzjoni tagħhom mal-KESE hija mod effettiv ħafna biex l-“aġenda ta’ Brussell” titqarreb lejn iċ-ċittadini Ewropej u biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta aħjar fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE.
Ir-relazzjonijiet u d-djalogu mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżi mhux tal-UE huma mmonitorjati mis-Sezzjoni tal-KESE għar-Relazzjonijiet Esterni (REX). Is-Sezzjoni REX taħdem mal-pajjiżi AKP, l-Amerka Latina, il-pajjiżi tal-Karibew, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, l-imsieħba Ewro-Mediterranji, l-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova, it-Turkija, il-Balkani tal-Punent, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea. Is-Summits Annwali tal-Euromed ilaqqgħu flimkien diversi kunsilli ekonomiċi u soċjali jew istituzzjonijiet simili, rappreżentanti tal-impjegaturi, trade unions, gruppi oħra ta’ interess ekonomiku u soċjali u NGOs minn pajjiżi li huma membri tal-Unjoni għall-Mediterran.