European Economic
and Social Committee
L-edukazzjoni u t-taħriġ
L-edukazzjoni u t-taħriġ huma fundamentali għall-futur tal-Ewropa. Din hija r-raġuni għaliex l-UE għażlet “[i]d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità” bħala l-ewwel prinċipju fundamentali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tagħha. Fuq kollox, l-edukazzjoni u t-taħriġ jirrigwardaw it-tħejjija taċ-ċittadini futuri Ewropej biex isiru konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom f’soċjetà multikulturali, inklużiva u li jkollhom l-għodod adatti sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija Ewropea kompetittiva. F’soċjetà li tinħtieġ tirreaġixxi malajr għal sfidi ġodda, bħaż-żieda fl-użu tat-teknoloġija li taffettwa l-impjiegi u l-industriji kollha, it-tagħlim tul il-ħajja sar prijorità ġdida peress li dan jippermetti lill-impjiegaturi u lill-impjegati jirreaġixxu b’suċċess għar-realtajiet tas-suq u jippermetti li l-persuni qiegħda jtejbu l-ħiliet tagħhom jew jiksbu ħiliet ġodda sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-forza tax-xogħol; dan huwa partikolarment siewi għall-persuni minn gruppi soċjali vulnerabbli, bħall-persuni mdaħħlin fl-età u l-persuni bi ftit ħiliet.
L-Istati Membri huma responsabbli għas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li l-UE għandha l-kompetenza li twettaq azzjonijiet biex tappoġġjahom, tikoordinahom jew tissupplimentahom b’inizjattivi bħalma huma l-Erasmus+, li tappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, li tgħin lill-persuni jsibu impjiegi ta’ kwalità u jtejbu l-opportunitajiet tul ħajjithom.
Fl-Opinjonijiet u r-rapporti ta’ informazzjoni rilevanti tiegħu, il-KESE ddefenda d-dritt tal-persuni għal edukazzjoni, apprendistati u traineeships ta’ kwalità u għal ċansijiet ġusti f’suq tax-xogħol inklużiv.