Persuni nieqsa mid-dawl
"Disinn tajjeb għall-għomja u għal dawk li ma tantx jaraw sew hu disinn tajjeb għal kulħadd."
Dan kien il-prinċipju bażi tal-kooperazzjoni tagħna mill-qrib mal-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU) waqt il-fażi tad-disinn tal-euro fis-snin disgħin. Aħna niżviluppaw karti tal-flus u muniti tal-euro b’tali mod li l-persuni għomja u li ma tantx jaraw sew ikunu jistgħu jużawhom b’kunfidenza.
Il-BĊE jikkonsulta regolarment lill-EBU u għamel dan matul l-iżvilupp tat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, is-serje Europa.
Il-flus kontanti għandhom sehem importanti fil-libertà taċ-ċittadini li jagħżlu kif iħallsu u huma essenzjali għall-inklużjoni finanzjarja tal-gruppi kollha fis-soċjetà. Irridu nagħmlu ċert li l-għomja u l-persuni li ma tantx jaraw sew ikomplu jużaw il-karti tal-flus tal-euro b’kunfidenza.
Karatteristiċi tas-sigurtà tal-karti tal-flus tal-euro
Aħna nedejna t-tieni serje tagħna tal-karti tal-flus, is-serje Europa, bejn l-2013 u l-2019. Il-karti tal-flus jużaw l-istess elementi ta’ disinn bħal dawk fl-ewwel serje, iżda b’karatteristiċi mtejbin ta’ aċċessibbiltà u b’kuluri aktar jgħajtu, li wkoll jagħmilhom eħfef biex jintgħarfu.
Allura x’inhuma l-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà li tista’ ssib fit-tieni serje ta' karti tal-flus tal-euro?
Qisien differenti:
Aktar ma jkun għoli l-valur tal-karta tal-flus, aktar tkun kbira. Il-karti tal-flus ta’ €50, €100 u €200 għandhom l-istess għoli, bit-tul tal-karta tal-flus jiżdied hekk kif jogħla l-valur.
Kuluri aktar jgħajtu
Id-denominazzjonijiet kollha issa għandhom kuluri aktar qawwijin b’kuntrast aħjar. il-karta tal-€5 hija griża, tal-€10 ħamra, tal-€20 blu, tal-€50 oranġjo, tal-€100 ħadra, tal-€200 safra fil-kannella u tal-€500 vjola. Għalkemm il-karta tal-flus tal-€500 m’għadhiex tinħareġ, dawk ta’ €500 mill-ewwel serje jibqgħu valuta legali u għadhom jistgħu jinstabu f’ċirkolazzjoni.Numri kbar
In-numri kbar li jindikaw il-valur ta’ karta tal-flus huma mifruda minn elementi tad-disinn oħrajn. Dan iżid il-kuntrast, u jagħmilha eħfef biex jintgħaraf il-valur u biex issir distinzjoni bejn is-sitt denominazzjonijiet.Stampar Imbuzzat
L-istampar fuq in-numri ta’ valur għoli huwa imbuzzat. Din il-karatteristika tagħmilha eħfef għall-persuni għomja jew li ma jarawx sew biex jidentifikaw il-valur tal-karta tal-flus.
Linji imbuzzati
Hemm linji imbuzzati fuq it-trufijiet tax-xellug u tal-lemin tan-naħa ta’ quddiem tal-karti tal-flus kollha tal-euro. Id-denominazzjonijiet issa jistgħu jintgħarfu minn xulxin bin-numru ta’ interruzzjonijiet fil-linji imbuzzati kif muri fl-istampi hawn isfel. Denominazzjonijiet b’disinn simili jistgħu jjintgħarfu wkoll minn xulxin mid-daqs tagħhom.
Kemm huma effettivi l-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tagħna?
Trid tkun taf aktar dwar kif dan jaħdem fil-prattika? Ara l-vidjo hawn isfel, fejn membru tal-komunità tal-għomja tispjega kif hi tagħraf il-karti tal-flus tal-euro.
Aċċessa t-traskrizzjoni tal-vidjo.
Il-muniti
Il-karatteristiċi jinkludu:
- Qisien, forom, kuluri, u trufijiet differenti
- Piżijiet differenti: aktar ma jkun għoli l-valur, aktar tkun tqila l-munita (ħlief għall-munita ta’ 50 ċenteżmu, li hi itqal mill-munita ta’ €1)
- Valuri li jidhru sew fuq in-naħat komuni tal-muniti.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar il-muniti tal-euro, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea.