Mistoqsijiet frekwenti (FAQs) dwar l-euro diġitali
Aġġornati fl-4 ta’ Settembru 2024
M1. L-Ewropa għaliex għandha bżonn l-euro diġitali?
Id-diġitalizzazzjoni qed tibdel il-mod kif inħallsu. L-użu ta’ flus kontanti biex isiru ħlasijiet qed jonqos u l-pandemija tal-coronavirus (COVID-19) ħaffet il-bidla lejn xiri online u ħlasijiet diġitali. L-euro diġitali jkun forma elettronika ta’ flus kontanti għad-dinja diġitalizzata. Jagħti lill-konsumaturi l-għażla li jużaw il-flus tal-bank ċentrali f’format diġitali, u jikkumplimenta l-karti tal-flus u l-muniti.
L-euro diġitali jagħmel il-ħajja tan-nies aktar faċli billi jipprovdi xi ħaġa li bħalissa ma teżistix: mezz diġitali ta’ ħlas aċċettat b’mod universali fiż-żona tal-euro kollha, għal ħlasijiet fi ħwienet, online jew minn persuna għal oħra. Bħall-flus kontanti, l-euro diġitali jkun mingħajr riskju, aċċessibbli b'mod wiesa' u faċli biex jintuża u bla ħlas għal użu bażiku.
Barra minn hekk, l-euro diġitali jsaħħaħ l-awtonomija strateġika u s-sovranità monetarja taż-żona tal-euro billi jagħti spinta lill-effiċjenza tal-ekosistema tal-ħlasijiet Ewropea kollha kemm hi, irawwem l-innovazzjoni u jżid ir-reżiljenza tagħha għal attakki ċibernetiċi potenzjali jew tfixkil tekniku, bħal qtugħ tal-elettriku.
Aktar informazzjoni dwar għaliex neħtieġu l-euro diġitali.
M2. Kif jista’ euro diġitali jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa?
L-euro diġitali joffri soluzzjoni ta’ ħlas pan-Ewropea, disponibbli fiż-żona tal-euro kollha, taħt il-governanza Ewropea. L-euro diġitali jista’ għalhekk jgħin biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq fornituri ta’ ħlasijiet privati u mhux Ewropej, filwaqt li jaġixxi bħala kontropiż għad-dominanza tagħhom fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-euro diġitali jagħmel ix-xenarju Ewropew tal-ħlasijiet aktar kompetittiv u innovattiv billi joffri pjattaforma li tagħmilha aktar faċli għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet biex joffru soluzzjonijiet pan-Ewropej tagħhom stess.
B’mod ġenerali, euro diġitali ta’ suċċess jista’ jagħmel lill-Ewropa mexxejja globali fil-finanzi diġitali u fil-muniti diġitali tal-banek ċentrali.
M3. L-euro diġitali se jieħu post il-flus kontanti?
Le. L-euro diġitali jikkumplimenta l-flus kontanti, u mhux jieħu posthom. L-euro diġitali jkun jeżisti flimkien mal-flus kontanti b’reazzjoni għall-preferenza dejjem tikber tan-nies li jħallsu diġitalment, b’mod rapidu u sigur. Il-flus kontanti jibqgħu disponibbli fiż-żona tal-euro, l-istess bħall-mezzi elettroniċi privati l-oħra ta’ ħlas li qed jintużaw bħalissa.
M4. L-euro diġitali jkun munita alternattiva fl-Eurosistema?
Le. L-euro diġitali jkun mod ieħor kif wieħed iħallas bl-użu tal-euro, il-munita unika tagħna, fl-Ewropa. Ikun jista’ jissarraf wieħed għal wieħed mal-karti tal-flus. L-euro diġitali jirrispondi għall-preferenza dejjem tikber tan-nies u tad-ditti li jħallsu b’mod diġitali.
M5. Fejn jinsab il-proġett tal-euro diġitali bħalissa?
Wara fażi ta’ investigazzjoni ta’ sentejn, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jipproċedi għall-fażi ta’ tħejjija, li bdiet fl-1 ta’ Novembru 2023.
L-għan tal-fażi tat-tħejjija huwa li jkompli jiġi żviluppat u ttestjat l-euro diġitali, skont l-għażliet tad-disinn u r-rekwiżiti tekniċi definiti matul il-fażi tal-investigazzjoni.
F’dan il-kuntest, l-Eurosistema qed twettaq analiżi estensiva, ittestjar, sperimentazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jiġi żgurat li l-euro diġitali jissodisfa l-ogħla standards ta’ kwalità, sigurtà u użu.
Il-fażi attwali se ddum sentejn, u tintemm fl-aħħar tal-2025, u f’dak il-punt il-Kunsill Governattiv se jiddeċiedi jekk jimxix għall-fażi li jmiss tal-preparamenti u, jekk iva, jiddefinixxi l-ambitu u t-tul ta’ żmien tagħha.
Deċiżjoni dwar jekk jinħariġx euro diġitali se tiġi kkunsidrata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE biss malli tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni relevanti.
M6. Kif jiġu involuti l-leġiżlaturi Ewropej fil-proċess?
Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat abbozz ta’ proposta leġiżlattiva għal euro diġitali possibbli. L-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li jiġi żgurat li kwalunkwe euro diġitali futur jagħti lin-nies u lin-negozji għażla addizzjonali biex iħallsu diġitalment bl-użu ta’ forma ta’ flus pubbliċi aċċettata b’mod wiesa’, irħisa, sigura u reżiljenti kullimkien fiż-żona tal-euro.
Iż-żewġ proċessi — il-leġiżlazzjoni u d-disinn tal-euro diġitali — se jiżviluppaw b’mod parallel sabiex l-Eurosistema tkun tista’ toħroġ malajr l-euro diġitali, jekk u meta d-deċiżjoni tkun iġġustifikata ladarba l-qafas leġiżlattiv għall-euro diġitali jkun ġie adottat.
L-Eurosistema se tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għad-disinn tal-euro diġitali li jistgħu jirriżultaw minn deliberazzjonijiet leġiżlattivi. Il-BĊE jinsab ukoll lest li jipprovdi appoġġ u input tekniku matul il-proċess leġiżlattiv, kif meħtieġ.
Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jiddeċiedi jekk joħroġx euro diġitali biss wara li jkun ġie adottat l-att leġiżlattiv.
M7. Min hu involut fil-proġett tal-euro diġitali?
L-Eurosistema - il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro - iridu jiżguraw li l-euro diġitali jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Għal din ir-raġuni, l-Eurosistema tinvolvi ruħha regolarment ma’ dawk li jfasslu l-politika, mal-leġiżlaturi, mal-parteċipanti fis-suq, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u man-nies li fl-aħħar mill-aħħar jużaw l-euro diġitali.
Dan l-impenn iseħħ f’kuntesti differenti, bħall-Bord tal-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro, forum ippresedut mill-BĊE, li jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati tas-suq tal-pagamenti; u l-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra tar-Regoli, li jinkludi rappreżentanti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut (ara M20).
Il-BĊE jinvolvi ruħu wkoll b'mod regolari ma':
- kumpaniji privati, li jipprovdu feedback dwar l-aspetti tekniċi ta’ euro diġitali, abbażi tal-għarfien u l-għarfien espert tagħhom dwar is-suq;
- organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili permezz ta’ seminars, biex jisma’ l-fehmiet tagħhom u jrawwem djalogu miftuħ;
- utenti finali potenzjali permezz ta’ stħarriġ, intervisti u gruppi fokus, biex jifhem il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom.
Il-BĊE jipparteċipa regolarment fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro mal-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u jippreżenta l-aktar aġġornamenti reċenti tal-proġett tal-euro diġitali lill-Parlament Ewropew.
Fil-passat, inġabar ukoll feedback permezz tal-Grupp Konsultattiv għas-Swieq, li kien jinkludi esperti li pprovdew input dwar id-disinn tal-prodott u d-distribuzzjoni ta’ euro diġitali matul il-fażi ta’ investigazzjoni.
Aqra aktar dwar il-governanza tal-proġetti u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.
M8. Min ikun jista’ juża l-euro diġitali?
Kif iddikjarat fil-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali jkun disponibbli għan-nies, in-negozji u l-entitajiet pubbliċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fi Stat Membru taż-żona tal-euro fuq bażi temporanja jew permanenti.
Il-persuni li jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-euro għal skopijiet personali jew professjonali, jew li kienu jgħixu jew li jkunu stabbiliti f’pajjiż taż-żona tal-euro, jista’ jkollhom ukoll aċċess għall-euro diġitali.
Barra minn hekk, in-nies, in-negozji u l-entitajiet pubbliċi li huma residenti jew stabbiliti barra ż-żona tal-euro jistgħu jaċċessaw l-euro diġitali billi jiftħu kontijiet tal-euro diġitali ma’ fornituri tas-servizzi ta’ ħlas stabbiliti jew li joperaw f’pajjiż li huwa Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew f’pajjiż terz, soġġett għal ftehim konkluż minn qabel bejn l-UE u pajjiżi terzi, u/jew arranġamenti konklużi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali fi Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro u f’pajjiżi terzi.
M9. Għaliex il-konsumaturi jkunu jridu jużaw euro diġitali?
Euro diġitali jkun soluzzjoni ta’ ħlas għal kull okkażjoni, għall-użu f’kull ħin u kullimkien fiż-żona tal-euro. Ikun mezz ta’ ħlas diġitali aċċettat universalment li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw mingħajr ħlas fil-ħwienet, onlajn jew minn persuna għal oħra. Jagħti lin-nies l-għażla li jħallsu b’mod diġitali, filwaqt li xorta jużaw mezz pubbliku ta’ ħlas. U jkun disponibbli kemm online kif ukoll offline.
L-euro diġitali jkun iddisinjat biex jipprovdi livell ogħla ta’ privatezza minn dak li huwa tipikament ipprovdut minn metodi ta’ ħlas diġitali oħrajn. L-Eurosistema ma tkunx tista’ tidentifika lin-nies abbażi tal-ħlasijiet tagħhom. Barra minn hekk, id-dettalji ta’ tranżazzjonijiet personali minn ħlasijiet offline bl-euro diġitali jkunu magħrufa biss lil min iħallas u lil min jirċievi l-ħlas.
L-euro diġitali jkun sikur u faċli biex jintuża u jfittex ukoll li jippromwovi l-inklużjoni finanzjarja diġitali billi jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura. L-euro diġitali jakkomoda l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u ta’ dawk mingħajr aċċess għal kont bankarju jew ta’ dawk b’nuqqas ta’ ħiliet diġitali jew finanzjarji.
Biex jiġi żgurat li l-euro diġitali jkun jista’ jintuża u jkun aċċessibbli fiż-żona tal-euro kollha, l-abbozz ta’ proposta leġiżlattiva ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jipprevedi aċċettazzjoni obbligatorja min-negozjanti u distribuzzjoni obbligatorja minn intermedjarji sorveljati lill-klijenti tagħhom.
M10. X’valur iġib l-euro diġitali lin-negozjanti?
L-euro diġitali jkun soluzzjoni verament pan-Ewropea, aċċettata fiż-żona tal-euro kollha. Jista’ jipprovdi alternattiva aktar faċli u irħas għall-pajsaġġ tal-ħlasijiet attwalment frammentat li fih jaħdmu n-negozjanti. L-euro diġitali jpoġġi lin-negozjanti f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex jinnegozjaw kundizzjonijiet ma’ fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ ħlas u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tagħhom stess.
L-euro diġitali jista’ jikkontribwixxi wkoll għal rati ta’ konverżjoni ogħla għan-negozjanti. Dan huwa partikolarment rilevanti għax-xiri online, peress li huwa inqas probabbli għall-klijenti li jżommu lura milli jixtru jekk ikunu familjari mal-istrument tal-ħlas. Barra minn hekk, l-euro diġitali jippermetti wkoll lin-negozjanti jirċievu l-ħlasijiet dak il-ħin stess mingħajr spejjeż addizzjonali.
M11. X’valur iġib l-euro diġitali lill-intermedjarji?
L-intermedjarji taħt superviżjoni, bħall-banek, ikollhom rwol ewlieni fid-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Dawn jaġixxu bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-individwi, in-negozjanti u n-negozji għall-kwistjonijiet diġitali kollha relatati mal-euro u jwettqu s-servizzi kollha tal-utenti finali.
Euro diġitali jippermetti lill-intermedjarji jkollhom aċċess immedjat fiż-żona kollha tal-euro, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-innovazzjonijiet privati, li għandhom it-tendenza li jiffukaw fuq swieq domestiċi speċifiċi. Għalhekk, euro diġitali jista’ jservi bħala pjattaforma għall-intermedjarji biex irawwmu aktar innovazzjoni u kompetizzjoni fis-swieq dejjem jikbru tal-kummerċ elettroniku u tal-ħlasijiet diġitali madwar iż-żona tal-euro.
L-euro diġitali jista’ jġib ukoll opportunitajiet ta’ negozju addizzjonali għall-intermedjarji. Pereżempju, kif propost mill-Eurosistema, jekk in-negozjanti barra ż-żona tal-euro jkunu jridu joperaw bl-euro diġitali, ikun meħtieġ li jkollhom kont ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas miż-żona tal-euro.
Barra minn hekk, il-mudell ta’ kumpens tal-euro diġitali, kif previst bħalissa fl-abbozz ta’ proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea, jipprovdi lill-intermedjarji b’inċentivi ekonomiċi komparabbli ma’ mezzi ta’ ħlas diġitali oħrajn. F’dan ir-rigward, l-euro diġitali jiftaħ ukoll il-bieb għall-intermedjarji biex jinvestu f’servizzi addizzjonali ta’ valur miżjud għall-klijenti tagħhom.
M12. In-nies ikollhom iħallsu biex jużaw l-euro diġitali?
L-euro diġitali jkun assi pubbliku. Għahekk se jkun b’xejn għall-użu bażiku mill-utenti individwali.
Il-banek jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ikunu jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom servizzi tal-euro diġitali addizzjonali u bi ħlas. Dawn is-servizzi addizzjonali għandhom jagħmlu l-euro diġitali aktar attraenti għall-utenti, billi joffru faċilitajiet bħall-kapaċità li jinqasmu kontijiet bejn il-ħbieb jew li jsiru ħlasijiet rikorrenti.
M13. Kif se jaħdem l-euro diġitali?
L-euro diġitali għandu jippermetti lin-nies jagħmlu ħlasijiet istantanji siguri fil-ħwienet fiżiċi u online u bejn l-individwi, irrispettivament mill-pajjiż taż-żona tal-euro li jkunu jinsabu fih jew il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tagħhom. Bħalissa, il-BĊE qed jesplora kif dan jista’ jaħdem fil-prattika.
L-ewwel pass ikun li toħloq il-kartiera tal-euro diġitali tiegħek permezz tal-bank jew l-uffiċċju tal-posta tiegħek.
Ladarba tkun ħloqt il-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, tista’ tpoġġi l-flus fiha permezz ta’ kont bankarju illinkjat jew billi tiddepożita l-flus kontanti. Imbagħad tkun tista’ tibda tagħmel ħlasijiet bl-użu tal-euro diġitali fil-kartiera tiegħek.
Kull meta tirċievi l-flus f’euro diġitali, iżżommhom fil-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, sa ċertu limitu, jew tiddepożitahom fil-kont bankarju tiegħek. Tista’ jew tagħmel dan manwalment jew tissettja dan biex isir awtomatikament.
Il-ħlasijiet bl-euro diġitali dejjem ikunu sikuri u immedjati — kemm jekk ikunu fi ħwienet fiżiċi, fi ħwienet online jew bejn in-nies.
L-euro diġitali għandu joffri funzjonalitajiet kemm online kif ukoll offline, li jfisser li tkun tista’ tużah anki meta jkollok sinjal tan-network batut jew ma jkollokx sinjal. Barra minn hekk, id-dettalji ta’ tranżazzjonijiet personali ta’ ħlasijiet offline bl-euro diġitali jkunu magħrufa biss lil min iħallas u lil min jirċievi l-ħlas, li b’hekk jipprovdi livell ta’ privatezza simili għal dak tal-flus kontanti.
Aktar informazzjoni dwar kif se jaħdem l-euro diġitali.
M14. Kemm ikun privat l-euro diġitali?
Il-privatezza hija waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tad-disinn tal-euro diġitali.
Id-disinn tal-euro diġitali jinkludi funzjonalità offline li għandha toffri lill-utenti livell ta’ privatezza simili għall-flus kontanti, kemm għal ħlasijiet minn persuna għal persuna kif ukoll għal ħlasijiet fi ħwienet fiżiċi. L-użu tal-euro diġitali għall-ħlasijiet offline m’għandux jinvolvi l-kondiviżjoni ta’ data dwar tranżazzjonijiet pesonali ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas (PSPs), l-Eurosistema jew kwalunkwe fornitur potenzjali ta’ servizzi ta’ appoġġ.
Għall-ħlasijiet online bl-euro diġitali, il-privatezza tiġi implimentata sabiex l-Eurosistema nnifisha – l-emittent u l-fornitur tal-infrastruttura tal-ħlas – ma jkunux jistgħu jassoċjaw tranżazzjonijiet direttament ma’ individwi speċifiċi.
Skopri aktar dwar l-euro diġitali u l-privatezza.
M15. Il-BĊE kif jiżgura li l-euro diġitali jkun inklużiv?
L-euro diġitali jkun assi pubbliku, bħall-karti tal-flus u l-muniti llum — iżda f’forma diġitali.
L-euro diġitali jkun bla ħlas għall-użu bażiku, permezz ta’ app mobbli jew kard fiżika, minn persuni li jkunu jridu jużawh. L-euro diġitali jkun jaħdem ukoll offline, f’każ li l-utenti jkollhom konnettività limitata.
L-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-euro diġitali jkunu meħtieġa jipprovdu servizzi bażiċi ta’ ħlas bl-euro diġitali bla ħlas meta jintalbu mill-klijenti tagħhom.
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li kulħadd — inklużi l-persuni b’diżabilità, dawk b’limitazzjonijiet funzjonali jew dawk b’ħiliet diġitali limitati, u l-anzjani — ikun jista’ jħallas bl-użu tal-euro diġitali, l-entitajiet pubbliċi, bħall-uffiċċji tal-posta, se jiġu identifikati f’kull pajjiż taż-żona tal-euro. Dawn l-entitajiet jipprovdu lill-persuni vulnerabbli għall-esklużjoni finanzjarja diġitali b’appoġġ u b’aċċess bla ħlas għas-servizzi tal-euro diġitali, bħal appoġġ wiċċ imb’wiċċ u assistenza ddedikata meta jiftħu kont tal-euro diġitali u jużaw is-servizzi bażiċi kollha tal-euro diġitali. Aċċess liberu għas-servizzi bażiċi tal-euro diġitali jiġi offrut ukoll lin-nies mingħajr kont bankarju.
Barra minn hekk, se tingħata attenzjoni partikolari lill-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħall-individwi mingħajr indirizz fiss, il-persuni li jfittxu l-ażil jew il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.
L-euro diġitali jkun imfassal biex jakkomoda l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, u ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura.
M16. L-euro diġitali jkun flus programmabbli?
L-euro diġitali qatt ma huwa se jkun flus programmabbli.
Il-flus programmabbli huma forma diġitali ta’ flus użati għal skop predefinit, bħal vawċer, b’limitazzjonijiet dwar fejn, meta jew ma’ min in-nies jistgħu jużawhom.
Kif previst ukoll fil-proposta leġiżlattiva dwar l-euro diġitali ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali ma jkunx flus programmabbli iżda jista’ jiffaċilita l-ħlasijiet awtomatizzati, jekk l-utenti jkunu jixtiequ jużaw din il-funzjoni. Pereżempju, utent jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi ħlas awtomatiku kull xahar għat-trasferiment istantanju tal-euro diġitali lill-membri tal-familja jew lill-ħbieb.
M17. L-intermedjarji jiġu kkumpensati għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali?
Hekk kif il-leġiżlazzjoni finali tinsab pendenti, l-Eurosistema tipproponi mudell ta’ kumpens li joħloq inċentivi ekonomiċi ġusti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, bħall-banek, biex jindirizzaw l-ispejjeż operazzjonali tad-distribuzzjoni tal-euro diġitali.
Kif inhu l-każ bħalissa b’sistemi oħra ta’ ħlas, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jqassmu l-euro diġitali jkunu jistgħu jitolbu ħlas lin-negozjanti għal dawn is-servizzi. L-iffissar tal-prezzijiet għan-negozjanti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ikun soġġett għal limitu massimu, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-euro diġitali.
Bħal fil-każ tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus, l-Eurosistema ġġarrab l-ispejjeż tal-istabbiliment ta’ skema u infrastruttura tal-euro diġitali. Barra minn hekk, l-Eurosistema jkollha l-għan li tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali għall-intermedjarji billi tuża mill-ġdid l-infrastrutturi eżistenti kemm jista’ jkun.
M18. L-euro diġitali joħloq theddida għall-istabbiltà finanzjarja billi jneħħi r-rwol tal-banek bħala intermedjarji?
Is-sistema finanzjarja tagħna — bis-sistema bankarja fiċ-ċentru tagħha — tiffunzjona tajjeb, u l-Eurosistema trid tippreserva r-rwol ewlieni tal-banek fl-iżgurar tal-għoti effiċjenti ta’ kreditu lill-ekonomija reali.
Il-BĊE għamel dawn l-għażliet ta’ disinn biex jimminimizza kwalunkwe theddida potenzjali li l-euro diġitali jista’ joħloq għas-sistema finanzjarja.
- L-utenti jkunu jistgħu jżommu biss ammont limitat ta’ euro diġitali fl-kont tagħhom. Dan għandu jiżgura li l-euro diġitali jkun ħażna sigura ta’ valur, simili għall-flus kontanti, biex b’hekk tiġi ppreżervata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tagħna u jiġu evitati flussi ’l barra ta’ depożiti bankarji, anki fi żminijiet ta’ kriżi.
- Billi jillinkjaw il-kartiera tal-euro diġital tagħhom ma’ kont bankarju, l-utenti jkunu jistgħu jagħmlu ħlasijiet ’il fuq mil-limitu taż-żamma u jkopru kwalunkwe nuqqas istantanjament, mingħajr ma jkollhom għalfejn jiffinanzjaw minn qabel il-kartiera tal-euro diġitali tagħhom (nassumu li jkollhom biżżejjed fondi disponibbli fil-kont assoċjat).
Bħal bil-flus kontanti, l-ebda imgħax ma jitħallas fuq l-ammonti miżmuma ta’ euro diġitali.
M19. Il-BĊE kif jiżgura li l-ħlasijiet bl-euro diġitali jaħdmu bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha?
Intermedjarji taħt superviżjoni (bħall-banek taż-żona tal-euro) ikunu responsabbli għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Sabiex jiġi żgurat li l-iskema tal-euro diġitali tiġi implimentata bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha, l-Eurosistema qed tfassal ġabra ta’ regoli tal-euro diġitali li tikkonsisti f’sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri għall-istandardizzazzjoni ta’ ħlasijiet bl-euro diġitali, biex b’hekk tiġi żgurata firxa pan-Ewropea.
M20. Kif se tiġi żviluppata l-ġabra ta’ regoli tal-iskema tal-euro diġitali?
L-Eurosistema stabbiliet Grupp għall-Iżvilupp ta’ Ġabra ta’ Regoli biex ifassal il-ġabra ta’ regoli għall-euro diġitali b’kontribut mid-diversi partijiet interessati.
Il-grupp, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-suq Ewropew tal-ħlasijiet bl-imnut, inklużi l-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet intermedjarji, qiegħed jaħdem fuq il-bażi tal-għażliet tad-disinn tal-euro diġidtali li diġà ġew approvati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Inħolqu workstreams dedikati fi ħdan il-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli biex jaħdmu fuq taqsimiet tal-ġabra ta’ regoli li jeħtieġu ħila esperta speċifika.
Aktar tagħrif dwar il-ġabra ta’ regoli dwar l-euro diġitali.
M21. X'se tkun ir-rabta bejn il-ħlasijiet immedjati u l-euro diġitali?
Illum, il-konsumaturi rari jkollhom l-għażla li jużaw ħlasijiet istantanji meta jħallsu fil-ħwienet, li jfisser ukoll li n-negozjanti ma jirċevux flushom immedjatament. L-euro diġitali jibdel dan kollu — il-ħlasijiet kollha diġitali f’euro jkunu immedjati.
Is-sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri żviluppati u, jekk jiġu approvati, implimentati għall-euro diġitali jkun ifisser li soluzzjonijiet ta’ ħlas istantanju jistgħu jiġu żviluppati ulterjorment biex jintlaħqu l-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Dan inaqqas id-dipendenza fuq kumpaniji privati mhux Ewropej li bħalissa qed jiddominaw is-settur tal-ħlasijiet.
M22. L-euro diġitali se jkun ibbażat fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT) bħall-Blockchain?
L-Eurosistema qed tesperimenta b’approċċi u b’teknoloġiji differenti — kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati — fl-iżvilupp tal-euro diġitali, inklużi teknoloġiji ta’ reġistru distribwit. Madankollu, għadha ma tteħditx deċiżjoni.
M23. L-introduzzjoni tal-euro diġitali tagħmel il-ħlasijiet fl-Ewropa aktar vulnerabbli għal attakki ċibernetiċi?
Bħal fil-każ ta’ infrastrutturi diġitali oħrajn, l-euro diġitali jista’ jkun il-mira ta’ attakki ċibernetiċi. Biex jittaffa dan ir-riskju, id-disinn tal-euro diġitali jkun jiddependi fuq teknoloġiji tal-ogħla livell li joħolqu ambjent reżiljenti għaċ-ċibernetika u li jibqa’ validu fil-futur.
M24. L-euro diġitali kif ikun differenti mill-istablecoins u l-kriptoassi?
L-euro diġitali jkun flus tal-bank ċentrali. Dan ifisser li jkun appoġġat minn bank ċentrali u mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tan-nies li jużawh. Bħala tali, dan ikun ħieles mir-riskju. Barra minn hekk, ikun jirrispetta l-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Il-banek ċentrali għandhom mandat biex iżommu l-valur tal-flus, kemm jekk f’forma fiżika kif ukoll jekk f’forma diġitali.
L-istabbiltà u l-affidabbiltà tal-istablecoins fl-aħħar mill-aħħar jiddependu fuq l-entità li toħroġhom u l-kredibbiltà u l-infurzabbiltà tal-wegħda tagħhom li jżommu l-valur tal-flus maż-żmien. L-emittenti privati jistgħu jużaw ukoll id-data personali għal skopijiet kummerċjali.
Ma hemm l-ebda entità identifikabbli responsabbli għall-kriptoassi, li jfisser li l-pretensjonijiet ma jistgħux jiġu infurzati.