Merħba fl-istituzzjonijiet tal-UE
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma miftuħin għal viżitaturi minn madwar id-dinja biex jitgħallmu aktar dwar l-UE u jifhmu xogħolhom.
B’siti f’diversi bliet Ewropej ewlenin, l-istituzzjonijiet joffru varjetà ta’ għażliet għall-viżitaturi. Xi istituzzjonijiet jipprovdu ċentri interattivi għall-viżitaturi fuq il-post, xi wħud jippermettu aċċess fiżiku għall-bini tagħhom, u xi wħud jorganizzaw preżentazzjonijiet u diskussjonijiet imfasslin apposta li jinvolvu l-istaff tagħhom.
Tkun xi tkun il-forma li tieħu żjara f’istituzzjoni tal-UE, il-viżitaturi huma ggarantiti esperjenza interattiva u edukattiva. Kemm l-istudenti kif ukoll it-turisti se jaraw u jitgħallmu direttament kif taħdem l-UE. U jieħdu gost ukoll.
Jum għall-Pubbliku u żjarat virtwali
Biex jiċċelebraw Jum l-Ewropa, l-istituzzjonijiet tal-UE jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku lejn il-bidu ta' Mejju fi Brussell u Strasburgu. L-uffiċċji lokali tal-UE fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha jorganizzaw varjetà ta’ attivitajiet u avvenimenti għall-etajiet kollha.
Il-Jum għall-Pubbliku tal-UE joffri opportunità unika għalik biex tiskopri kif l-istituzzjonijiet Ewropej jaffettwaw ħajtek. Tista’ tidħol fil-binjiet u tieħu sehem f’attivitajiet speċjali, bħal dibattiti pubbliċi u żjarat iggwidati.
U jekk ma tistax iżżurhom personalment, dejjem tista’ tagħmel “żjara virtwali”. Diversi istituzzjonijiet joffru aċċess virtwali għall-binjiet tagħhom, sabiex tkun tista’ tiskopri kif l-UE taħdem mid-dar tiegħek stess.
Ikklikkja kull sezzjoni tal-belt biex tiftaħ lista sħiħa tal-postijiet possibbli, flimkien ma’ link għal aktar informazzjoni ddettaljata.
Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew għandu numru ta’ postijiet fi Brussell, għal żjarat individwali jew fi gruppi. Dan jinkludi l-“emiċikli” fejn jiġu diskussi u vvutati l-liġijiet tal-UE, iċ-ċentru interattiv tal-viżitaturi tal-UE - il-Parlamentarium - Dar l-Istorja Ewropea u l-Istazzjon Ewropa.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Parlament Ewropew (Brussell)
Il-Kunsill Ewropew / il-Kunsill tal-UE
Idħol fil-Kunsill, skopri l-binjiet fejn jiltaqgħu l-mexxejja tal-UE u tgħallem dwar kif il-Kunsill isawwar il-futur tal-Ewropa. Biex iżżur il-Kunsill, tista’ jew tesplora ċ-ċentru tal-viżitaturi tagħna u ż-żoni pubbliċi waħdek jew tieħu sehem fiż-żjarat iggwidati tagħna ta’ kull ġimgħa.
Ippjana ż-żjara tal-Kunsill tiegħek
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea għandha postijiet ta’ żjarat differenti fi Brussell. Dan jinkludi ċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Kummissjoni fejn gruppi li jixtiequ jiskopru l-Kummissjoni u l-politiki tagħha jistgħu jisimgħu direttament mill-uffiċjali tal-Kummissjoni. Iż-żjarat għandhom jiġu bbukkjati mill-inqas 10 ġimgħat minn qabel, u jistgħu jitfasslu skont il-ħtiġijiet tal-gruppi. Experience Europe huwa ċ-ċentru interattiv tal-wirjiet tal-Kummissjoni fir-roundabout Schuman (300m miċ-Ċentru tal-Viżitaturi). Mhi meħtieġa ebda reġistrazzjoni minn qabel għal viżitaturi individwali jew gruppi ta’ inqas minn 10 persuni. Miftuħ 7 ijiem fil-ġimgħa.
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jilqa’ ż-żjarat tal-gruppi fil-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell. Skopri kif is-Servizz għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja r-relazzjonijiet diplomatiċi tal-UE ma’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, billi jwettaq il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE. Iż-żjarat kollha huma mfasslin apposta.
Ippjana ż-żjara tiegħek fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-viżitaturi tal-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell għal preżentazzjoni interattiva dwar l-attivitajiet tiegħu u r-rwol tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jistgħu jiġu organizzati wkoll żjarat virtwali fi gruppi.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jorganizza żjarat ta’ informazzjoni fil-bini tiegħu fi Brussell. Skopri kif jaħdem il-KtR u r-rwol tar-reġjuni fit-tfassil tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Iż-żjarat virtwali huma possibbli wkoll.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Kumitat tar-Reġjuni
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
L-uffiċċji tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jilqa’ gruppi speċjalizzati - bħal studenti fil-livell postgradwatorju - fil-bini tiegħu fi Brussell biex jitgħallmu dwar x’jagħmel u kif jaħdem. Jiġu kkunsidrati biss talbiet uffiċjali (eż. minn email ta’ organizzazzjoni uffiċjali).
Talba għal żjara lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew jilqa’ ż-żjarat individwali jew fi gruppi fil-bini “emiċiklu” tiegħu fi Strasburgu. Ara fejn isiru l-aktar dibattiti u votazzjonijiet importanti tal-Parlament qabel ma żżur l-Parlamentarium Simone Veil, wirja interattiva li toffri ħarsa lejn ir-rwol u l-ħidma tal-Parlament.
Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew joffri żjarat iggwidati tal-bini Robert Schuman fil-Lussemburgu. Żur is-sit tal-ewwel sede amministrattiva tal-Parlament Ewropew u ara l-bini “emiċiklu” matul iż-żjara tal-grupp tiegħek.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Parlament Ewropew (il-Lussemburgu)
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Il-Qorti tilqa’ ż-żjarat individwali jew fi gruppi fis-sit tagħha fil-Lussemburgu. Attendi seduta pubblika fil-Qorti tal-Ġustizzja jew fil-Qorti Ġenerali, jew agħmel żjara ggwidata tal-binjiet u d-diversi opri tal-arti, mogħtija jew mislufa lill-Qorti minn pajjiżi tal-UE, li jirriflettu l-wirt kulturali varjat tal-Ewropa.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) torganizza żjarat fi gruppi fis-sit tagħha fil-Lussemburgu. Iż-żjarat jinvolvu preżentazzjoni minn uffiċjal tal-QEA dwar ir-rwol u l-ħidmiet tal-Qorti, segwiti minn diskussjoni. Trid tibbukkja mill-anqas xahrejn minn qabel.
Ippjana ż-żjara tiegħek fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Il-Bank Ewropew tal-Investiment jaċċetta gruppi ta’ viżitaturi fil-bini tiegħu fil-Lussemburgu meta jirċievi talba bil-miktub. Il-viżitaturi jrid ikollhom interess professjonali dirett fl-attivitajiet tal-bank jew ikunu studenti universitarji li jistudjaw l-ekonomija jew il-finanzi.
Il-Bank Ċentrali Ewropew
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) joffri numru ta’ għażliet lill-viżitaturi, biex jesplora x’tinvolvi l-ħidma tiegħu u l-attivitajiet li jappoġġja fi Frankfurt. Żur iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-BĊE, attendi lecture imfassal apposta jew żur il-kollezzjoni tal-arti tiegħu.