Mur għall-kontenut ewlieni

X’inhu t-tkabbir?

It-tkabbir iseħħ meta pajjiżi ġodda jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Dan seħħ diversi drabi fl-istorja tal-UE, u kull darba jittrasforma kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi li jissieħbu.   

It-tkabbir tal-UE kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-tixrid tal-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità fil-kontinent kollu.

Benefiċċji għall-pajjiżi li jissieħbu fl-UE

It-tkabbir iġib miegħu ħafna benefiċċji għall-Istati Membri l-ġodda, inklużi

  • stabbiltà politika
  • libertà għaċ-ċittadini tagħhom biex jgħixu, jistudjaw jew jaħdmu fi kwalunkwe post fl-UE
  • żieda fil-kummerċ permezz tal-aċċess għas-suq uniku
  • żieda fil-finanzjament u l-investiment
  • standards soċjali, ambjentali u tal-konsumatur ogħla

Skopri aktar dwar il-benefiċċji u l-kisbiet tal-Unjoni Ewropea.

Benefiċċji għall-UE

It-tkabbir huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-UE, billi dan ifisser

  • żieda fil-prosperità u fl-opportunitajiet għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej
  • vuċi aktar b’saħħitha fix-xena dinjija
  • aktar diversità kulturali
  • promozzjoni tad-demokrazija, stat tad-dritt u drittijiet tal-bniedem
  • investiment fil-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa

Liema pajjiżi jistgħu jissieħbu?

Kwalunkwe pajjiż Ewropew jista’ jissieħeb mal-UE jekk jissodisfa l-kriterji tas-sħubija, magħrufin ukoll bħala l-kriterji ta’ Copenhagen. Pereżempju, il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu għandu jkollhom

  • istituzzjonijiet stabbli li jistgħu jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. 
  • ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva tas-suq tal-UE. 
  • kapaċità li jassumu l-obbligi tas-sħubija fl-UE, inkluża l-kapaċità li jimplimentaw il-liġi kollha tal-UE u jaderixxu mal-għanijiet tal-Unjoni. 

Kif taħdem?

Kull pajjiż li japplika biex jissieħeb fl-UE jrid jissodisfa l-istess rekwiżiti stretti u jsegwi l-istess proċess rigoruż biex isir Stat Membru. 

Hemm tliet passi ewlenin għal dan il-proċess, magħrufin wkoll bħala l-proċess ta’ adeżjoni. Dawn huma:  

Pass 1: Kandidatura

Pajjiż li jixtieq jissieħeb mal-UE jrid jissottometti applikazzjoni għas-sħubija lill-Kunsill tal-UE. Il-Kunsill imbagħad jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tivverifika l-kapaċità tal-pajjiż applikant li jissodisfa l-kriterji tas-sħubija.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kunsill jiddeċiedi jekk jagħtix l-istatus ta’ kandidat lill-pajjiż u jekk jibdiex negozjati formali għall-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni. L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jaqblu dwar din id-deċiżjoni.

Pass 2: Negozjati għas-sħubija 

Matul in-negozjati tas-sħubija, il-pajjiż kandidat iħejji biex jimplimenta l-liġijiet u l-istandards tal-UE, magħrufin wkoll bħala l-acquis.

Matul in-negozjati, il-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-kandidat dwar dawn ir-riformi u żżomm lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew infurmati dwar dan permezz ta’ rapporti u komunikazzjonijiet regolari.

Pass 3: Adeżjoni

Ladarba jitlestew in-negozjati, il-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar jekk il-kandidat hux lest li jsir Stat Membru. Jekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-kandidat ikun lest, jitħejja trattat ta’ adeżjoni. Dan id-dokument jagħti dettalji dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tas-sħubija tal-pajjiż fl-UE.

It-Trattat ta’ adeżjoni jrid imbagħad jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew qabel ma jiġi ffirmat u ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-pajjiż kandidat. 

Il-pajjiż kandidat jingħaqad uffiċjalment mal-UE fid-data deskritta fit-trattat ta’ adeżjoni tiegħu.

Storja tat-tkabbir

It-tkabbir seħħ seba' darbiet minn mindu l-UE ġiet iffurmata għall-ewwel darba mis-sitt membri fundaturi tagħha. illum hemm 27 pajjiż fl-UE. 

  1. 01-07-2013
    Is-seba’ tkabbir

    Il-Kroazja tissieħeb mal-UE fl-aktar tkabbir reċenti.

  2. 01-01-2007
    Is-sitt tkabbir

    Il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu mal-UE.

  3. 01-05-2004
    Il-ħames tkabbir

    Għaxar pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE: Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Dan huwa l-akbar tkabbir f’termini ta’ nies u numru ta’ pajjiżi.

  4. 01-01-1995
    Ir-raba’ tkabbir

    L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-Unjoni Ewropea (UE), is-suċċessur tal-KEE wara t-Trattat ta’ Maastricht fl-1993. Il-15-il membru issa kważi jkopru l-Ewropa tal-Punent kollha.

  5. 01-01-1986
    It-tielet tkabbir

    Spanja u l-Portugall jissieħbu fil-KEE. In-numru ta’ Stati Membri issa huwa ta’ 12.

  6. 01-01-1981
    It-tieni tkabbir

    Is-sħubija tal-KEE tilħaq għaxar membri bl-adeżjoni tal-Greċja.

  7. 01-01-1973 
    L-ewwel tkabbir 

    Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu fil-KEE, u b’hekk in-numru ta’ Stati Membri żdied għal disgħa.

  8. 25-03-1957
    Membri fundaturi

    Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands jiffirmaw it-Trattat ta’ Ruma. Dan jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), li eventwalment issir l-UE li nafu llum.

Tkabbir potenzjali tal-UE

Aktar tkabbir tal-UE huwa possibbli, peress li għaxar membri aspiranti bħalissa huma involuti fil-proċess ta’ adeżjoni.

Pajjiżi kandidati

Dawn il-pajjiżi ngħataw status ta’ kandidat, u bħalissa qed jirriformaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jallineaw mar-regoli, ir-regolamenti u l-istandards tal-UE.

Kandidat potenzjali

Kandidat potenzjali applika biex jissieħeb fl-UE, iżda għadu ma ngħatax status ta’ kandidat.