This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020H1475
Council Recommendation (EU) 2020/1475 of 13 October 2020 on a coordinated approach to the restriction of free movement in response to the COVID-19 pandemic (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 337/3 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1475
tat-13 ta’ Ottubru 2020
dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt tal-moviment liberu. |
(2) |
Skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kull ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, soġġett għal-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u mill-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi wkoll libertà ta' moviment u ta' residenza. Peress li jirriżulta li l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, u t-Trattati ma jipprovdux b'modi oħra s-setgħat meħtieġa, il-Kunsill jista' jadotta dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' moviment u ta' residenza liberi. |
(3) |
Skont l-Artikolu 168(1) TFUE, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni jrid jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
(4) |
Fit-30 ta' Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali ta' coronavirus ġdid, li jikkawża l-marda tal-Coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta' Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista' tiġi kkaratterizzata bħala pandemija. |
(5) |
Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera biex jagħmlu l-kwarantina. |
(6) |
Fit-13 ta' Frar 2020, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar il-COVID-19 (2) li fihom ħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu flimkien, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b'mod proporzjonat u xieraq biex jiżviluppaw koordinazzjoni mill-qrib u msaħħa bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri kollha, inkluż, jekk ikun meħtieġ, miżuri rigward l-ivvjaġġar, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-moviment liberu fl-Unjoni, biex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni tas-saħħa pubblika. |
(7) |
Fl-10 ta' Marzu 2020, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-bżonn ta' approċċ Ewropew konġunt fir-rigward tal-COVID-19. |
(8) |
Minn Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat għadd ta' Linji Gwida u Komunikazzjonijiet bil-għan li tappoġġa l-isforzi ta' koordinazzjoni tal-Istati Membri u tissalvagwardja l-moviment liberu fl-Unjoni fiż-żminijiet tal-pandemija tal-COVID-19 (3). |
(9) |
Peress li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat emerġenza tas-saħħa mingħajr preċedent, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika saret prijorità prevalenti kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha. Fuq il-bażi li tiġi protetta s-saħħa pubblika, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 168(7) TFUE, id-definizzjoni tal-politiki nazzjonali tas-saħħa, inkluż l-organizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u għalhekk tista' tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar l-aktar miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika, inkluż pereżempju rekwiżiti ta' kwarantina jew ta' ttestjar, huwa xieraq li tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta' dawn il-miżuri, bil-ħsieb li jiġi ssalvagwardjat l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u tiġi miġġielda theddida transfruntiera serja għas-saħħa bħall-Covid-19. |
(10) |
Meta jadottaw u japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni hija maħsuba biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji, b'mod ikkoordinat, għas-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, jenħtieġ li l-mekkaniżmi stabbiliti b'din ir-Rakkomandazzjoni jkunu limitati strettament fil-kamp ta' applikazzjoni u fiż-żmien għar-restrizzjonijiet adottati b'reazzjoni għal din il-pandemija. |
(11) |
Miżuri unilaterali f'dan il-qasam għandhom il-potenzjal li jikkawżaw tfixkil sinifikanti peress li n-negozji u ċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom ma' firxa wiesgħa ta' miżuri diverġenti u li jinbidlu malajr. Dan huwa partikolarment dannuż f'sitwazzjoni fejn l-ekonomija Ewropea diġà ġiet affettwata b'mod sinifikanti mill-virus. |
(12) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri li jkunu qed jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu għal raġunijiet ta' saħħa pubblika. Biex ir-restrizzjonijiet ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri, b'mod mhux diskriminatorju u sa fejn hu possibbli, japplikaw dawk ir-restrizzjonijiet għall-persuni li jkunu ġejjin minn żoni jew reġjuni speċifiċi partikolarment milquta minflok għat-territorju kollu ta' Stat Membru. |
(13) |
Approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri jeħtieġ sforzi konġunti fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta' kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta' trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta' kodiċi tal-kuluri maqbul, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b'mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta' trażmissjoni f'dawk iż-żoni. |
(14) |
Il-kriterji u l-livelli limitu deskritti f'din ir-Rakkomandazzjoni huma bbażati fuq id-data pprovduta mill-Istati Membri. Jenħtieġ li kull ġimgħa jiġu ppubblikati u aġġornati sett ta' data komprensiv u mapep li jiddeskrivu l-istatus tal-kriterji komuni għar-reġjuni tal-UE miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, bl-użu tad-data pprovduta mill-Istati Membri. |
(15) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tivvaluta b'mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu deskritti f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk jenħtieġx li jitqiesu kriterji oħra jew jekk jenħtieġx li jiġu adattati l-livelli limitu, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma' proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn ikun meħtieġ. |
(16) |
Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tinftehimx bħala li tiffaċilita jew tħeġġeġ l-adozzjoni ta' restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti b'reazzjoni għall-pandemija, iżda pjuttost tfittex li tipprovdi approċċ ikkoordinat f'każ li Stat Membru kellu jiddeċiedi li jintroduċi tali restrizzjonijiet. Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu tibqa' r-responsabbiltà tal-Istati Membri, li jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà li ma jintroduċux restrizzjonijiet anki jekk il-kriterji u l-limiti stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu. |
(17) |
Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu jkunu kkunsidrati biss meta l-Istati Membri jkollhom evidenza biżżejjed biex jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet f'termini tal-benefiċċju tagħhom għas-saħħa pubblika u jkollhom raġunijiet validi biex jemmnu li r-restrizzjonijiet ikunu effettivi. |
(18) |
Biex jiġi limitat it-tfixkil għas-suq intern u l-ħajja familjari waqt li tkun għaddejja l-pandemija, il-vjaġġaturi b'funzjoni jew ħtieġa essenzjali, bħall-ħaddiema jew il-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi, il-ħaddiema transfruntiera, il-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri tas-servizzi tat-trasport, il-baħħara, u l-persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet imperattivi tan-negozju jew tal-familja, inkluż il-membri tal-familji transfruntiera li jivvjaġġaw fuq bażi regolari, jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħmlu l-kwarantina. |
(19) |
Informazzjoni ċara, f'waqtha u komprensiva għall-Istati Membri l-oħrajn u għall-pubbliku ġenerali hija kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta' kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, li tiżgura prevedibbiltà, ċertezza legali u konformità miċ-ċittadini, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Prinċipji Ġenerali
Meta jadottaw u japplikaw miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, l-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom abbażi tal-prinċipji li ġejjin:
1. |
Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbilita biex tillimita t-tixrid tal-COVID-19 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa meħtieġ li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f'konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari l‐proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe miżura li tittieħed ma testendix lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika. |
2. |
Jenħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti. |
3. |
Ma jista' jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju billi jiġu applikati regoli aktar ġenerużi għall-ivvjaġġar lejn u minn Stat Membru ġar meta mqabbel mal-ivvjaġġar lejn u minn Stati Membri oħra fl-istess sitwazzjoni epidemjoloġika. |
4. |
Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, iżda jenħtieġ li jkunu bbażati fuq fejn kienet il-persuna matul l-14-il jum ta' qabel il-wasla. |
5. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jilqgħu dejjem liċ-ċittadini tagħhom stess u liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom residenti fit-territorju tagħhom, u jenħtieġ li jiffaċilitaw it-tranżitu rapidu minn ġot-territorji tagħhom. |
6. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet ta' reġjuni transfruntiera, reġjuni ultraperiferiċi, esklavi u żoni ġeografikament iżolati u lill-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-livell lokali u dak reġjonali. |
7. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw regolarment l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni. |
Kriterji komuni
8. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-kriterji ewlenin li ġejjin meta jikkunsidraw li jirrestrinġu l-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19:
|
Data dwar il-kriterji komuni
9. |
Biex jiġi żgurat li tkun disponibbli data komprensiva u komparabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri, fuq bażi ta' kull ġimgħa, jipprovdu d-data disponibbli dwar il-kriterji msemmijin fil-punt 8 liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu din id-data anki fil-livell reġjonali biex jiżguraw li kwalunkwe miżura tkun tista' tiġi mmirata lejn dawk ir-reġjuni fejn tkun strettament meħtieġa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar kwalunkwe strateġija ta' ttestjar li huma jsegwu. |
Immappjar taż-żoni ta' riskju
10. |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika mappa tal-Istati Membri tal-UE, imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri. Jenħtieġ li din il-mappa tinkludi wkoll data mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u, malli l-kundizzjonijiet jippermettu (4), il-Konfederazzjoni Żvizzera. F'din il-mappa, jenħtieġ li ż-żoni jiġu mmarkati bil-kuluri li ġejjin:
Jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika wkoll mapep separati għal kull indikatur ewlieni li jikkontribwixxi għall-mappa komprensiva: ir-rata ta' notifika ta' 14-il jum fil-livell reġjonali, kif ukoll ir-rati tal-ittestjar u r-rati ta' testijiet b'riżultat pożittiv fil-livell nazzjonali matul l-aħħar ġimgħa. Ladarba d-data tkun disponibbli fil-livell reġjonali, jenħtieġ li l-mapep kollha jkunu bbażati fuq din id-data. |
11. |
Kull ġimgħa, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika verżjonijiet aġġornati tal-mapep u d-data sottostanti. |
Livelli limitu komuni jekk jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet tal-moviment liberu għal raġunijiet ta' saħħa pubblika
12. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrestrinġux il-moviment liberu tal-persuni li jivvjaġġaw lejn jew minn żoni ta' Stat Membru ieħor ikklassifikati bħala "ħodor" skont il-punt 10. |
13. |
Jekk jikkunsidraw jekk għandhomx japplikaw restrizzjonijiet fuq żona li ma tkunx ikklassifikata bħala "ħadra" skont il-punt 10,
|
Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri
14. |
L-Istati Membri li jkun beħsiebhom japplikaw restrizzjonijiet fuq il-persuni li jivvjaġġaw lejn jew minn żona li ma tkunx ikklassifikata bħala "ħadra" skont il-punt 10, abbażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jenħtieġ li l-ewwel jinfurmaw lill-Istat Membru affettwat, qabel id-dħul fis-seħħ. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni transfruntiera, reġjuni ultraperiferiċi, esklavi u żoni ġeografikament iżolati. Jenħtieġ li l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jiġu infurmati wkoll bl-intenzjoni qabel id-dħul fis-seħħ. Jekk ikun possibbli, l-informazzjoni għandha tingħata 48 siegħa qabel.
Biex jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw networks ta' komunikazzjoni stabbiliti inkluż in-network tar-Rispons Politiku Integrat f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR). Jenħtieġ li l-punti ta' kuntatt tal-IPCR jiżguraw li l-informazzjoni tingħadda lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien. |
15. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bit-tneħħija jew bit-taffija ta' kwalunkwe miżura restrittiva introdotta qabel, li jenħtieġ li tidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.
Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu jitneħħew meta żona terġa' tiġi kklassifikata bħala "ħadra" skont il-punt 10, dment li jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum mill-introduzzjoni tagħhom. |
16. |
Sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet applikati fuq iż-żoni kklassifikati bħala "ħodor" skont il-punt 10 qabel l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Qafas komuni fir-rigward tal-miżuri possibbli għall-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni ta' riskju ogħla
17. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri fil-prinċipju ma jirrifjutawx id-dħul ta' persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn Stati Membri oħrajn.
L-Istati Membri li jqisu li jkun meħtieġ li jintroduċu restrizzjonijiet għall-moviment liberu, abbażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jistgħu jirrikjedu li l-persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn żona li ma tkunx ikklassifikata bħala "ħadra" skont il-punt 10
L-Istati Membri jistgħu joffru lill-vjaġġaturi l-għażla li jissostitwixxu t-test imsemmi fl-ittra (b) b'test għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettaq qabel il-wasla. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi ta' koordinazzjoni dwar it-tul tal-kwarantina/l-awtoiżolament u l-possibbiltajiet ta' sostituzzjoni. Kull fejn possibbli u f'konformità mal-istrateġiji deċiżi mill-Istati Membri, l-iżvilupp tal-ittestjar għandu jiġi mħeġġeġ. |
18. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod reċiproku r-riżultati tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa fi Stati Membri oħrajn minn korpi tas-saħħa ċċertifikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni dwar aspetti differenti relatati mal-ittestjar, inkluż il-verifika taċ-ċertifikati tal-ittestjar, b'kont meħud tar-riċerka u l-pariri ta' esperti epidemjoloġiċi kif ukoll tal-aħjar prattiki. |
19. |
Jenħtieġ li l-vjaġġaturi b'funzjoni jew ħtieġa essenzjali ma jkunux meħtieġa jagħmlu kwarantina, matul l-eżerċitar ta' din il-funzjoni essenzjali, b'mod partikolari:
|
20. |
L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li persuni li jidħlu fit-territorju tagħhom jippreżentaw formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri f'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li tiġi żviluppata Formola Ewropea Komuni tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri għall-użu possibbli mill-Istati Membri. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li tintuża għażla diġitali għall-informazzjoni tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha. |
21. |
Kwalunkwe miżura applikata għall-persuni li jaslu minn żona kklassifikata bħala "ħamra", "oranġjo" jew "griża" skont il-punt 10 ma tistax tkun diskriminatorja, jiġifieri, jenħtieġ li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jirritornaw. |
22. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit formali impost fuq iċ-ċittadini u n-negozji jipprovdi benefiċċju konkret għall-isforzi tas-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-pandemija u ma joħloqx piż amministrattiv żejjed u bla bżonn. |
23. |
Jekk persuna tiżviluppa s-sintomi mal-wasla fid-destinazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-ittestjar, id-dijanjożi, l-iżolament u t-traċċar tal-kuntatti jsiru skont il-prattika lokali, u d-dħul ma jiġix irrifjutat. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar każijiet misjuba mal-wasla tiġi kondiviża minnufih mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li l-persuna kkonċernata kienet qed tirrisjedi fihom matul l-14-il jum preċedenti għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti, bl-użu tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni. |
24. |
Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet ma jiħdux il-forma ta' projbizzjonijiet fuq l-operat ta' ċerti servizzi tat-trasport. |
Komunikazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku
25. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali dwar kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu, kwalunkwe rekwiżit ta' akkumpanjament (pereżempju testijiet negattivi għall-infezzjoni tal-COVID-19 jew formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri), kif ukoll dwar il-miżuri applikati għall-vjaġġaturi li jkunu qed jivvjaġġaw minn żoni ta' riskju kemm jista' jkun malajr qabel ma jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata 24 siegħa qabel ma l-miżuri jidħlu fis-seħħ, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi.
Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web “Re-open EU”, li jenħtieġ li tinkludi kontroreferenza għall-mappa ppubblikata regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont il-punti 10 u 11. Jenħtieġ li s-sustanza tal-miżuri, il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tagħhom u l-kategoriji ta' persuni li l-miżuri japplikaw għalihom jiġu deskritti b'mod ċar. |
Reviżjoni
26. |
Jenħtieġ li din ir-rakkomandazzjoni tiġi riveduta regolarment mill-Kummissjoni, bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwarha b'mod regolari lill-Kunsill. |
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(3) Linji gwida tal-Kummissjoni għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1), Linji gwida tal-Kummissjoni rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 12), "Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19" tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, Gwida tal-Kummissjoni dwar il-moviment liberu tal-professjonisti fil-kura medika u l-armonizzazzjoni minima tat-taħriġ fir-rigward tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 (ĠU C 156, 8.5.2020, p. 1), Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU C 169, 15.5.2020, p. 30), Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE COM(2020) 299 final, Linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU C 235 I , 17.7.2020, p. 1), Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1), Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-Iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU C 100 I, 27.3.2020, p. 1), u Linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta' persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom (ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1).
(4) Soġġett għal ftehim konkluż bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fis-saħħa pubblika, inkluż dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fiċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).