Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0399

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    COM/2020/399 final

    Brussell, 11.6.2020

    COM(2020) 399 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE





    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    I    Introduzzjoni

    Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat emerġenza tas-saħħa mingħajr preċedent madwar l-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika saret il-prijorità ewlenija kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha.

    L-Istati Membri kollha ħadu miżuri biex jillimitaw l-impatt tal-virus. Filwaqt li l-miżuri meħuda kienu meħtieġa għas-salvagwardja tas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna, fl-istess ħin kellhom konsegwenzi serji fuq il-libertà ta’ moviment fl-UE u fuq il-funzjonament u l-integrità taż-żona Schengen. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen introduċew kontrolli temporanji fil-fruntieri interni u miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu madwar l-UE.

    Żona unika bbażata fuq il-moviment liberu u mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, bħaż-żona Schengen, teħtieġ politika komuni u strettament ikkoordinata fil-fruntieri esterni tal-UE, u l-pandemija attwali tirrikjedi iżjed w iżjed approċċ konsistenti u komuni ma’ pajjiżi terzi, bil-għan primarju jkun il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Mill-bidu tal-pandemija, il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-almu tagħha biex tiżgura azzjoni uniformi mill-Istati Membri kollha tal-UE u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen 1 .

    Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt fir-rigward tal-COVID-19. Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 2 li tirrakkomanda restrizzjoni temporanja għall-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi fiż-żona tal-UE+ 3 . Din ir-rakkomandazzjoni ġiet segwita fis-17 ta’ Marzu 2020 bil-ftehim dwar azzjoni kkoordinata fil-fruntieri esterni bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. Minn dakinhar, l-Istati Membri kollha tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Membri”) ħadu deċiżjonijiet nazzjonali biex jimplimentaw ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar.

    Fit-8 ta’ April 2020 4 u t-8 ta’ Mejju 2020 5 , il-Kummissjoni adottat Komunikazzjonijiet ta’ segwitu. Fl-aħħar Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jestendu r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar sal-15 ta’ Ġunju 2020.

    Ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar tapplika għall-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+ 6 . Madankollu, biex l-impatt tar-restrizzjoni jkun limitat għall-minimu meħtieġ, ir-rakkomandazzjoni eskludiet kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali 7 .

    Billi l-perjodu rakkomandat għaż-żamma tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni jintemm fil-15 ta’ Ġunju 2020, din il-Komunikazzjoni tippreżenta approċċ għall-eliminazzjoni gradwali u kkoordinata ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, fuq il-bażi ta’ sett ta’ prinċipji u kriterji komuni li jippermettu li jiġu identifikati dawk il-pajjiżi terzi li magħhom huwa possibbli li titneħħa r-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fiż-żona tal-UE+.

    II    Żviluppi u valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali

     

    Fil-15 ta’ April 2020, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew stabbilew “Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt biex jitneħħew il-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19” 8 . Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi kif jenħtieġ li jitneħħew gradwalment u b’mod ikkoordinat il-kontrolli fil-fruntieri interni qabel ma, fit-tieni stadju, ikunu jistgħu jiġu llaxkati r-restrizzjonijiet temporanji fil-fruntieri esterni u r-residenti mhux tal-UE jkunu jistgħu jerġgħu jibdew l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE.

    F’konformità ma’ dawn il-prinċipji, fit-13 ta’ Mejju, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni” 9 , bħala parti minn pakkett ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mat-Turiżmu u t-Trasport. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ koordinat, ibbilanċjat u gradwali biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri interni, kif ukoll tħares lejn, bħala t-tieni stadju, it-tmiem tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE permezz tal-fruntiera esterna. Filwaqt li s-sekwenzjar kien ċar, iż-żewġ proċessi jistgħu jsegwu approċċ u kriterji ġeneralment simili relatati mas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-miżuri ta’ konteniment, fosthom it-tbegħid fiżiku, kif ukoll jitqiesu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

    Fil-laqgħa tagħhom tal-5 ta’ Ġunju 2020, il-Ministri għall-Intern iddiskutew ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u kif se jimxu lejn it-tmiem tar-restrizzjonijiet il-ġodda. Kien hemm qbil komuni li, filwaqt li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ħadmu flimkien mill-qrib biex irażżnu l-firxa tal-virus, il-koordinazzjoni tkompli tkun essenzjali issa li s-sitwazzjoni qed titjieb. Il-Presidenza nnotat ukoll li l-maġġoranza tal-Istati Membri se jneħħu l-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati sal-15 ta’ Ġunju, u oħrajn se jagħmlu dan sal-aħħar tax-xahar. Il-Ministri ddiskutew ukoll għal kemm żmien jenħtieġ li jinżammu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tal-UE fir-rigward tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u liema kriterji u miżuri jistgħu jiġu applikati ladarba jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Kien hemm kunsens dwar il-ħtieġa għal approċċ unifikat għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, bl-użu ta’ kriterji ċari u sejħa lill-Kummissjoni biex tipproponi triq ’il quddiem għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-fruntieri esterni b’mod koordinat.

    Hemm xejra pożittiva kontinwa fiż-żona tal-UE+ fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. Fl-aħħar 14-il jum, iż-żona tal-UE+, bl-eċċezzjoni ta’ ftit reġjuni, irrapportat inqas minn 100 infezzjoni ġdida għal kull 100 000 abitant 10 . F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Mejju u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, issa l-Istati Membri kollha jistgħu jitqiesu li, bħala minimu, daħlu fil-Fażi 1 kif imsemmi fil-Komunikazzjoni (jiġifieri bdew ineħħu parzjalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni).

    Bosta Stati Membri diġà neħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment fl-UE fosthom ir-rekwiżiti ta’ kwarantina ta’ wara l-ivvjaġġar fuq tali moviment, u oħrajn qed jippjanaw li jagħmlu dan mill-15 ta’ Ġunju 2020 ’il quddiem. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-bqija tal-Istati Membri biex jiffinalizzaw il-proċess tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-UE sal-15 ta’ Ġunju 2020. 

    Minn dan iż-żmien, u minħabba t-titjib attwali tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fiż-żona tal-UE+ u f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja, il-Kummissjoni tqis li ma għadx hemm bżonn li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni japplikaw għall-pajjiżi terzi kollha, iżda jistgħu jibdew jitneħħew gradwalment. Dan il-proċess irid ikun ibbażat fuq kriterji ċari u jkun soġġett għal monitoraġġ kostanti. F’konformità mal-Pjan Direzzjonali Konġunt, jenħtieġ li tali tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għar-residenti ta’ dawk il-pajjiżi sseħħ biss wara li jitneħħew il-kontrolli fil-fruntiera interna u r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-UE Għall-pajjiżi terzi li jifdal li għadhom ma jissodisfawx il-kriterji, se jkomplu japplikaw ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mhux essenzjali, bl-eżenzjonijiet elenkati fil-Komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu.

    Fl-istess ħin, l-esperjenza tax-xhur li għaddew uriet li hemm bżonn li jiġu estiżi l-kategoriji ta’ vjaġġaturi eżentati. Għaċ-ċittadini tal-UE, jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-Istati Assoċjati ma’ Schengen, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, jitħallew jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-UE+ għal kwalunkwe skop, mhux biss biex imorru lura f’pajjiżhom. Meta jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi li għalihom jibqgħu japplikaw ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mhux essenzjali, dan jista’ jkun soġġett għal rekwiżiti tas-saħħa, bħall-iżolament personali, tal-Istati Membri ta’ destinazzjoni.

    Jenħtieġ li l-lista ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali tiġi estiża biex tinkludi wkoll persuni li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju u ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jekk l-impjieg tagħhom huwa meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jistax jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor.

    Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda li fejn ma jitneħħewx ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-ivjaġġar mhux essenzjali fl-UE, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet jiġu emendati kif stabbilit taħt il-punt VII (Konklużjonijiet).

    III    Prinċipji

    Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet ikkoordinati kollha meħtieġa mill-Istati Membri relatati mat-tneħħija tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ gwida li ġejjin:

    (I)Ebda diskriminazzjoni: residenza bħala fattur deċiżiv

    Meta jkun qed jiġi deċiż jekk ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li r-residenza f’pajjiż terz li għalih tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali tkun il-fattur deċiżiv (u mhux in-nazzjonalità).

    (II)Flessibbiltà

    Jenħtieġ li jkun ċar li d-deċiżjonijiet biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet f’konformità mal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit hawn taħt dejjem iżommu flessibbiltà sħiħa. Dan ifisser li, jekk ikun meħtieġ, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġu introdotti mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal pajjiż terz speċifiku f’każ li l-kundizzjonijiet fil-lista ta’ kontroll ma jibqgħux jiġu ssodisfati, u b’mod partikolari jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika taggrava jew f’każ li s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ tibdil ta’ reċiproċità tmur għall-agħar.

    (III) Approċċ komuni u kkoordinat

    Issa li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni fl-UE jinsabu fil-proċess li jitneħħew, it-tieni stadju tal-proċess stabbilit fil-Pjan Direzzjonali Konġunt jista’ jiġi stabbilit. F’konformità mal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-fruntieri, l-Istati Membri jenħtieġ li jibdew diskussjonijiet dwar il-lista ta’ dawk il-pajjiżi li għalihom se jitneħħew r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. L-effettività tad-deċiżjonijiet tiddependi fuq l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri kollha għall-fruntieri esterni kollha fl-istess ħin u b’mod uniformi.

    Avviżi minn xi Stati Membri biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fil-fruntiera esterna għal pajjiżhom, mingħajr konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħra għandhom riskju serju li jimminaw l-integrità taż-żona Schengen. Il-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fiż-żona Schengen ifisser li dawn id-deċiżjonijiet minn Stat Membru wieħed jista’ jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra. Għalhekk huwa importanti li d-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jittieħdu fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit hawn taħt.

    IV    Kriterji u lista ta’ kontroll

    Fid-dawl li s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’għadd ta’ pajjiżi terzi għadha kritika u skont il-miżuri meħuda u l-kapaċitajiet ta’ dawn il-pajjiżi biex irażżnu l-firxa tal-virus, f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li jkun hemm tneħħija ġenerali tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn iż-żona tal-UE+. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta approċċ għall-eliminazzjoni gradwali u kkoordinata tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

    Sabiex jiġi żgurat approċċ ċar, trasparenti u koerenti fil-proċess, id-deċiżjonijiet nazzjonali jridu jiġu kkoordinati u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji komuni u oġġettivi. Dawn il-kriterji ġew diskussi f’diversi laqgħat tal-“Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19 - Affarijiet Interni”. L-Istati Membri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni fi kwestjonarju, bil-ftehim li l-kriterji jridu jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġu applikati għal grupp kbir ħafna ta’ pajjiżi terzi (+/-170). Id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data minn pajjiżi terzi huma tal-akbar importanza u jenħtieġ li jitqiesu bħala kriterju ewlieni; id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu biss jekk ikunu bbażati fuq data ċara u preċiża.

    Filwaqt li jaf ikun hemm bżonn li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, ir-riflessjoni dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, li huma ġeneralment konformi ma’ dawk stabbiliti fil-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Mejju:

    (I)Il-valutazzjoni tal-approssimazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u r-rispons għall-COVID-19 fil-pajjiż terz:

    Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jenħtieġ li l-ewwel jitneħħew għall-pajjiżi terzi li għandhom sitwazzjoni epidemjoloġika komparabbli bħall-medja taż-żona UE+ jew aħjar, u fejn hemm kapaċitajiet suffiċjenti fis-seħħ. Dan ikun jeħtieġ li d-data disponibbli għal pajjiż terz tkun robusta biżżejjed biex tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet. Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma jitneħħewx fir-rigward ta’ pajjiżi terzi fejn is-sitwazzjoni hija agħar mill-medja fiż-żona tal-UE+.

    Il-kriterji ewlenin li għandhom jiġu vvalutati fir-rigward ta’ pajjiż terz, ibbażati fuq data disponibbli mill-pajjiż ikkonċernat, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC) u sorsi oħra, jinkludu:

    -l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda għal kull 100 000 tal-popolazzjoni;

    -ix-xejra fl-infezzjonijiet ġodda; kif ukoll

    -ir-rispons ġenerali tal-pajjiż għall-COVID-19, b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħall-ittestjar, is-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar.

    (II)L-applikazzjoni tal-miżuri ta’ konteniment waqt l-ivvjaġġar, inkluż it-tbegħid fiżiku filwaqt li tinbena u tinżamm il-fiduċja:

    Prekondizzjoni għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar hija l-kapaċità li jiġi żgurat li miżuri ta’ konteniment, bħat-tbegħid fiżiku, se jiġu rispettati matul il-vjaġġ kollu, mill-oriġini sad-destinazzjoni, inkluż waqt kwalunkwe tranżitu possibbli minn żoni ta’ riskju għoli. Jekk ikun aktar diffiċli li jiġi żgurat tbegħid fiżiku, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji u miżuri addizzjonali nondiskriminatorji u proporzjonati li jwasslu għal livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-trasport u s-settur tal-ospitalità 11 .

    Aspett ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa sa fejn jista’ jkun mistenni li l-pajjiż terz ikkonċernat jintuża bħala punt ta’ tranżitu għal vjaġġaturi minn pajjiżi terzi li għadhom ma jissodisfawx il-kriterji.

    (III) Reċiproċità u parir dwar l-ivvjaġġar:

    Ħafna pajjiżi terzi introduċew ukoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini ġejjin mill-UE. Sabiex ikun hemm trattament ugwali għaċ-ċittadini tal-UE, il-pajjiż terz jenħtieġ li jneħħi wkoll ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE sabiex ikollhom l-istess arranġamenti ta’ vjaġġar jew komparabbli mal-UE. Dan jenħtieġ li japplika għall-Istati Membri kollha tal-UE u ta’ Schengen; ma jistax jiġi applikat b’mod selettiv.

    Jenħtieġ li jitqiesu l-pariri tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri dwar il-pajjiż terz ikkonċernat, billi t-tneħħija reċiproka tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar x’aktarx se twassal għal żieda fl-ivvjaġġar mill-UE lejn il-pajjiż terz ikkonċernat. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-pajjiż terz jenħtieġ li tkun stabbli biżżejjed biex teskludi, b’biżżejjed ċertezza, ripatrijazzjoni fuq skala kbira ta’ ċittadini li baqgħu l-art matul ix-xhur li ġejjin.

    (IV) Lista ta’ kontroll:

    Il-kriterji indikati hawn fuq jiffurmaw il-bażi tal-lista ta’ kontroll fl-Anness li għandha tintuża għad-deċiżjoni koordinata meħtieġa mill-Istati Membri. L-għan ta’ din il-lista ta’ kontroll huwa li ssib bażi komuni bejn l-Istati Membri, u għalhekk approċċ komuni fiż-żona tal-UE+, fir-rigward tal-valutazzjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’pajjiż terz u l-miżuri meħuda biex jiġi miġġieled il-virus humiex biżżejjed biex titneħħa r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fiż-żona tal-UE+. Aktar dettalji fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ dan il-proċess huma speċifikati hawn taħt fil-Kapitolu V “Mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni”.

    L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jinfurmaw lill-vjaġġaturi dwar l-obbligu li jsegwu r-regoli nazzjonali dwar il-miżuri ta’ konteniment jew dwar ir-regoli ta’ tbegħid fiżiku. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju permezz ta’ website uniku u aċċessibbli għal konsultazzjoni minn qabel mill-vjaġġaturi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li mad-dħul tagħhom fit-territorju ċ-ċittadini jirċievu informazzjoni xierqa, fejn ikun prattiku se jirċievu wkoll SMS awtomatiku li jkun fih informazzjoni dwar il-punt ta’ informazzjoni nazzjonali jew reġjonali dwar miżuri u restrizzjonijiet speċjali applikati matul il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll informazzjoni dwar min għandu jiġi kkuntattjat jekk individwu jibda juri sintomi relatati mal-COVID-19. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini u l-vjaġġaturi jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa 12 .

    V    Il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni

    Sa mill-bidu tat-tifqigħa, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu involuti fi skambju regolari ta’ informazzjoni u prattika tajba f’varjetà ta’ fora, inkluż fil-livell tekniku permezz tal-“Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19 - Affarijiet Interni” u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa dawn il-fora għal skambji bħal dawn bil-għan li tiffaċilita u tħejji d-deċiżjoni koordinata meħtieġa mill-Istati Membri rigward l-identifikazzjoni tal-pajjiżi terzi għat-tneħħija mqassma f’fażijiet tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ibbażata fuq data mis-sorsi rilevanti kollha, inkluż, pereżempju l-ECDC u d-WHO.

    Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm punt ċentrali ċar fejn il-miżuri u l-passi kollha meħuda mill-Istati Membri jkunu kkomunikati u mgħarrfa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru sforzi robusti u koordinati ta’ komunikazzjoni u informazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Id-delegazzjonijiet tal-UE se jkunu involuti u jistgħu jipprovdu appoġġ f’dan l-eżerċizzju.

    Biex tmexxi dan il-proċess ’il quddiem, il-Kummissjoni tipproponi li, wara l-ewwel valutazzjoni fil-livell nazzjonali bbażata fuq id-data disponibbli tal-ECDC, id-WHO u sorsi oħra rilevanti, il-lista ta’ kontroll fl-Anness u l-informazzjoni mogħtija mid-Delegazzjonijiet tal-UE, issir l-ewwel diskussjoni fil-“Grupp ta’ Informazzjoni tal-COVID-19 - Affarijiet Interni” sabiex jitħejja abbozz ta’ lista ta’ pajjiżi fejn jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar. It-tħejjija ta’ approċċ konkret u koordinat u l-aġġornament ulterjuri tal-lista ta’ pajjiżi jenħtieġ li jsiru fil-qafas eżistenti u li jaħdem sew tal-mekkaniżmu integrat tal-UE għal rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (integrated political crisis response mechanism, IPCR), billi titqies in-natura dinamika ta’ tali proċess u l-ħtieġa għal aġġornamenti regolari.

    Fuq il-bażi tal-eżitu tad-diskussjonijiet fl-IPCR, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaġixxi bil-ħsieb tal-adozzjoni, mill-Istati Membri ta’ Schengen flimkien mal-Istati Assoċjati ta’ Schengen, ta’ approċċ konkret u koordinat dwar il-lista ta’ pajjiżi li għalihom jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-1 ta’ Lulju. Din il-lista jenħtieġ li tiġi aġġornata fuq bażi regolari u jenħtieġ li ssir komunikazzjoni regolari ma’ pajjiżi terzi biex jiġi spjegat il-proċess globali tal-UE.

    Għall-pajjiżi terzi kollha li mhumiex f’din il-lista, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jtawlu r-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali sakemm jitqiegħdu fil-lista ta’ pajjiżi fejn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew. Jenħtieġ li din il-lista tiġi aġġornata regolarment skont il-kriterji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u r-restrizzjoni tal-ivvjaġġar tkun trid tiġi vvalutata skont aktar żviluppi.

    Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jwettqu fl-interess tagħhom u fl-interess tal-Istati Membri kollha. Deċiżjonijiet unilaterali meħuda mill-Istati Membri biex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-wasliet minn residenti ta’ pajjiżi terzi addizzjonali, li mhumiex identifikati wara approċċ koordinat, jimplikaw responsabbiltà addizzjonali għall-Istati Membri kkonċernati, minħabba l-prinċipju tal-moviment liberu fiż-żona Schengen, u l-prijorità prevalenti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-UE, u għalhekk jenħtieġ li jiġu adottati biss f’konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u jibqgħu eċċezzjonali.

    VI    Pajjiżi fil-viċinat tal-UE

    Il-Kummissjoni esprimiet li hija lesta li tassoċja r-reġjun tal-Balkani tal-Punent mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19. Lil hinn mill-impenn ta’ finanzjament li ħadet l-UE biex tappoġġa l-irkupru tal-Balkani tal-Punent “ta’ wara l-COVID-19”, it-tisħiħ tal-konnettività u l-aċċess aħjar għas-suq tal-UE jenħtieġ li jkunu fost ir-riżultati ewlenin li jwittu t-triq għal integrazzjoni ekonomika aktar b’saħħitha bejn ir-reġjun u l-UE.

    Is-sitwazzjoni epidemjoloġika f’dan ir-reġjun hija ugwali jew aħjar minn dik fl-UE. L-għadd globali ta’ każijiet fir-reġjun kollu huwa ferm inqas minn dak fl-UE.

    Barra minn hekk, minħabba l-importanza tar-reġjun fir-rigward tat-trasport, it-twettiq mill-ġdid u t-tkomplija tal-attivitajiet turistiċi, inkluż it-traffiku transfruntier / transkonfinali, il-Kummissjoni tirrakkomanda li diġà tibda tneħħi r-restrizzjonijiet fil-fruntieri esterni tal-UE għall-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun fl-iskadenza tat-titwil attwali, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2020.

    B’konformità mal-“Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni ta’ arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika tal-viża” 13 , iċ-ċittadini ta’ San Marino, Andorra, Monaco u l-Vatikan / is-Santa Sede jenħtieġ li jitqiesu l-istess baċ-ċittadini tal-Istati Membri għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-ivvjaġġar mhux essenzjali. Għalhekk, l-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jippermettu d-dħul taċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu hemm, biex iħalluhom imorru lura d-dar. Għalhekk mhijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ dawn il-mikrostati Ewropej.

    VII    Konklużjonijiet

    Bħalissa għaddej bis-sħiħ il-proċess fir-rigward tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni fl-UE. Ir-restrizzjonijiet fil-fruntiera esterna tal-UE jenħtieġ li jitneħħew fit-tieni pass b’konformità mal-approċċ stabbilit hawn fuq.

    Azzjoni parallela u kkoordinata hija essenzjali fil-fruntieri esterni taż-żona tal-UE+. Biex jiġi żgurat li dawn l-azzjonijiet ikunu effettivi, jenħtieġ li jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha fil-fruntieri esterni kollha u b’mod strettament ikkoordinat u uniformi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tappoġġa l-IPCR biex tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi li għalihom l-Istati Membri se jneħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’mod koordinat u gradwali fuq il-bażi ta’ aġġornamenti regolari ta’ din il-lista. Fuq il-bażi tal-eżitu tad-diskussjonijiet fl-IPCR, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaġixxi bil-ħsieb tal-adozzjoni, mill-Istati Membri ta’ Schengen flimkien mal-Istati Assoċjati ta’ Schengen, ta’ deċiżjoni koordinata dwar il-lista ta’ pajjiżi li għalihom jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-1 ta’ Lulju 2020. Jenħtieġ li din il-lista tiġi aġġornata fuq bażi regolari.

    Il-Kummissjoni tfakkar li għal dawk il-pajjiżi li għalihom ġie deċiż li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fil-fruntiera esterna, il-possibbiltà li jiġi rrifjutat id-dħul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi fuq il-bażi ta’ theddida għas-saħħa pubblika tibqa konformi mal-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 14 . Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-Protokoll tas-Sikurezza tas-Saħħa tal-Avjazzjoni b’rabta mal-COVID-19 15 maħruġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (European Union Aviation Safety Agency, EASA) u l-ECDC, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet għall-miżuri relatati mal-ivvjaġġar biex titnaqqas il-firxa tal-COVID-19 fl-UE / ŻEE kif ippubblikata f’rapport mill-ECDC 16 .

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda:

    ·li tittawwal l-applikazzjoni tar-restrizzjoni attwali fuq l-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE sat-30 ta’ Ġunju 2020. Bl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit fil-Kapitolu V, jenħtieġ li l-perjodu intervenjenti jintuża mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippreparaw lista ta’ dawk il-pajjiżi terzi li għalihom jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-1 ta’ Lulju 2020. Din il-lista jenħtieġ li tiġi aġġornata regolarment skont il-kriterji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. Għall-pajjiżi terzi kollha li mhumiex fil-lista sat-30 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jtawlu r-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali sakemm jitqiegħdu fil-lista ta’ pajjiżi fejn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew.

    ·biex titneħħa l-applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali mill-pajjiżi/mis-sħab li ġejjin, mill-1 ta’ Lulju 2020:

    ol-Albanija;

    oil-Bożnija-Ħerzegovina;

    oil-Kosovo 17 ;

    oil-Montenegro;

    oil-Maċedonja ta’ Fuq;

    ois-Serbja.

    Għal dawk il-pajjiżi li għalihom ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni biex tintemm ir-restrizzjoni temporanja għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fl-UE, l-eżenzjonijiet 18 jenħtieġ li jiġu emendati kif ġej:

    a)Iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tal-Istati Assoċjati ma’ Schengen u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, jenħtieġ li jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, irrispettivament minn jekk hux se jirritornaw id-dar jew le. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa li jirrikjedu li persuni bħal dawn ikunu soġġetti għal miżuri ta’ awtoiżolament jew miżuri simili mar-ritorn minn pajjiż terz li għalih tinżamm ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali, sakemm dawn jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom stess;

    b)Il-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali 19 jenħtieġ li jiġu estiżi biex jinkludu wkoll:

    ·ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju;

    ·il-ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi jekk l-impjieg tagħhom ikun meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jkunx jista’ jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor.

    (1)    L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera.
    (2)    COM(2020) 115, is-16 ta’ Marzu 2020.
    (3)    Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Din tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw ruħhom.
    (4)    COM(2020) 148, it-8 ta’ April 2020.
    (5)    COM(2020) 222, it-8 ta’ Mejju 2020.
    (6)    Biex jiġu salvagwardati d-drittijiet tagħhom, iċ-ċittadini tal-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Union Civil Protection Mechanism, UCPM) meta jirritornaw fuq titjiriet ta’ ripatrijazzjoni ffaċilitati mill-UCPM, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE, huma eżentati mill-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali biex imorru lura lejn darhom.
    (7)    Dawn jenħtieġ li jinkludu:
    (8)       https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication_-_a_european_roadmap_to_lifting_coronavirus_containment_measures_0.pdf  
    (9)    C(2020) 3250 final, it-13 ta’ Mejju 2020.
    (10)    Ara d-data fil-website tal-ECDC https://qap.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/COVID-19.html  
    (11)      C(2020) 3139 u C(2020) 3251.
    (12)    Il-website u l-app “Re-open” għaċ-ċittadini u t-turisti se jipprovdu liċ-ċittadini b’data dwar it-trasport, is-saħħa pubblika, it-turiżmu b’data mill-Istati Membri.
    (13)    C(2020) 2050 tat-30 ta’ Marzu 2020.
    (14)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).
    (15)       https://www.easa.europa.eu/document-library/general-publications/covid-19-aviation-health-safety-protocol  
    (16)      Disponibbli fuq https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/considerations-travel-related-measures-reduce-spread-covid-19-eueea .
    (17)    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
    (18)    Kif elenkat fil-Komunikazzjoni COM (2020) 115.
    (19)    Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.
    Top

    Brussell, 11.6.2020

    COM(2020) 399 final

    ANNESS

    tal-

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE


    ANNESS

    Lista ta’ kontroll li għandha tintuża fl-eventwalità li titneħħa r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

    L-għan ta’ din il-lista ta’ kontroll huwa biex tinstab bażi komuni bejn l-Istati Membri, u għalhekk approċċ komuni fiż-żona tal-UE+, fir-rigward tal-valutazzjoni dwar jekk is-sitwazzjoni f’pajjiż terz u l-miżuri meħuda biex jiġi limitat it-tixrid tal-virus humiex sa issa biżżejjed biex titneħħa r-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fiż-żona tal-UE+. Il-lista ta’ kontroll jenħtieġ li tifforma l-bażi li għandha tintuża mill-Istati Membri għall-valutazzjoni komuni ta’ pajjiżi terzi abbażi tal-kriterji ta’ hawn fuq, li jistgħu jintużaw kemm biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kif ukoll biex jiġu introdotti mill-ġdid ir-restrizzjonijiet jekk il-livell ta’ infezzjonijiet jinbidel. Wara l-ewwel valutazzjoni fil-livell nazzjonali abbażi tad-data disponibbli tal-ECDC u d-WHO, il-lista ta’ kontroll fl-Anness u l-informazzjoni pprovduta mid-Delegazzjonijiet tal-UE, l-ewwel diskussjoni jenħtieġ li ssir fil-“Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19 – Affarijiet Interni”, sabiex jitħejja abbozz tal-lista ta’ pajjiżi fejn jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar. It-tħejjija ta’ approċċ ikkoordinat konkret u aġġornamenti oħra fil-lista tal-pajjiżi jenħtieġ li jsiru fil-qafas eżistenti u funzjonanti tal-mekkaniżmu integrat tal-UE għal rispons politiku f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi (IPCR, EU Integrated Political Crisis Response). Abbażi tal-eżitu tad-diskussjonijiet fl-IPCR, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jaġixxi bil-ħsieb li jiġi adottat, mill-Istati Membri ta’ Schengen flimkien mal-Istati Assoċjati maż-żona Schengen, approċċ ikkoordinat konkret dwar il-lista tal-pajjiżi li għalihom jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-lista jenħtieġ li tkun aġġornata fuq bażi regolari.

    1.Is-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-pajjiż tista’ tiqies komparabbli jew aħjar mill-medja taż-żona UE+ fir-rigward ta’:

    a.L-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda;

    b.It-tendenza tal-infezzjonijiet ġodda; kif ukoll

    c.Ir-rispons għall-COVID -19, filwaqt li titqies l-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħal: l-ittestjar, is-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rapportar.

    2.Il-pajjiż jiżgura livell simili jew aħjar ta’ miżuri ta’ konteniment apparagun tal-UE mill-operaturi tat-trasport u taċ-ċentri tat-trasport tiegħu, inkluż it-tbegħid fiżiku biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni assoċjat mal-ivvjaġġar internazzjonali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa għat-trasport 1 mill-Kummissjoni Ewropea u b’mod partikolari mal-Protokoll tas-Sikurezza tas-Saħħa tal-Avjazzjoni b’rabta mal-COVID-19 2 maħruġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-ECDC, jew ekwivalenti:

    a.Tul il-vjaġġ lejn il-punti tat-tluq;

    b.F’punti ta’ tluq; kif ukoll

    c.Matul il-vjaġġ, mill-oriġini sad-destinazzjoni.

    Jenħtieġ li jitqiesu wkoll l-aspetti segwenti:

    d.L-ajruporti jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza tal-ICAO?

    e.Il-linji tal-ajru li jservu rotot speċifiċi jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICAO?

    f.L-ajruporti qegħdin fil-lista tal-EASA? 3  

    g.Hemm parir negattiv dwar l-ivvjaġġar lejn dan il-pajjiż fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri?

    h.Fir-rigward tal-passiġġieri fi tranżitu, il-linji tal-ajru jivverifikaw jekk il-pajjiż tat-tluq ikunx fuq il-lista tal-pajjiżi li għalihom jistgħu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar?

    3.Il-pajjiż jaqbel li jkun hemm l-istess arranġamenti tal-ivvjaġġar jew arranġamenti tal-ivvjaġġar simili għal tal-UE? Dan japplika għall-Istati tal-UE u ta’ Schengen kollha?

    4.L-Istati Membri tal-UE u l-Istati ta’ Schengen neħħew it-twissijiet tal-ivvjaġġar tagħhom għall-pajjiż ikkonċernat?

    (1)

         C (2020) 3139.

    (2)

          https://www.easa.europa.eu/document-library/general-publications/covid-19-aviation-health-safety-protocol  

    (3)

       Id-diżinfettar tal-inġenji tal-ajru għall-mitigazzjoni tar-riskju tat-trażmissjoni tal-infezzjoni tal-COVID-19.

    Top