Sfond
L-UE kkundannat b’mod inekwivoku, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-attakki terroristiċi vjolenti u indiskriminati fl-Iżrael li saru fis-7 ta’ Ottubru 2023 mill-Ħamas. Hi esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-Iżrael u enfasizzat id-dritt tal-Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu skont id-dritt umanitarju u dak internazzjonali.
Hi tenniet ukoll l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċivili kollha f’kull ħin skont id-dritt umanitarju internazzjonali.
Wara dawn l-attakki, is-sitwazzjoni umanitarja tal-Palestinjani fl-Istrixxa ta’ Gaża ddeterjorat drastikament minħabba l-intensifikazzjoni kontinwa tal-ostilitajiet u l-operazzjoni militari Iżraeljana konsegwenti, flimkien mal-imblokk ta’ Gaża.
Taħt il-lenti
19 ta’ Lulju 2024 – L-UE se tipprovdi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għal żmien qasir lill-Awtorità Palestinjana. L-appoġġ, b’valur ta’ €400 miljun f’għotjiet u self, se jgħin lill-Awtorità Palestinjana tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji l-aktar urġenti tagħha u tappoġġja l-aġenda ta’ riforma tagħha. L-appoġġ hu soġġett għal progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma tal-Awtorità Palestinjana, u se jwitti t-triq għal Programm Komprensiv għall-irkupru u r-reżiljenza Palestinjani.
Aktar minn 20 sena ta’ appoġġ umanitarju u ta’ żvilupp tal-UE lill-Palestinjani
L-UE minn dejjem kienet l-akbar donatur internazzjonali għall-poplu Palestinjan. Barra minn hekk, l-UE ilha tipprovdi assistenza umanitarja lill-Palestinjani fil-bżonn mis-sena 2000.
Wara l-attakki terroristiċi reċenti tal-Ħamas, l-UE:
- ikkwadruplat l-appoġġ umanitarju tagħha lill-Palestinjani f’Gaża għal aktar minn €103 miljun fl-2023
- nediet operazzjoni ta’ Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE biex twassal provvisti li jsalvaw il-ħajjiet għand l-organizzazzjonijiet umanitarji fuq il-post f’Gaża
- żiedet l-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani għall-2024
Minn Lulju 2024, bis-saħħa tal-Pont Umanitarju bl-Ajru, tal-anqas 58 titjira wasslu aktar minn 2,800 tunnellata ta’ għajnuna. L-operazzjonijiet għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-ippożizzjonar minn qabel tal-għajnuna b’appoġġ għat-twassil rapidu tal-assistenza lill-persuni fil-bżonn f’Gaża.
Permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), l-UE tappoġġja wkoll lill-Kuritur Marittimu ta’ Ċipru b’ċentru loġistiku tal-UE f’Ċipru li jiffaċilita d-direzzjoni tal-għajnuna mill-Istati Membri lejn Gaża. Naħdmu wkoll mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex nevakwaw b’mod mediku pazjenti Palestinjani minn Gaża lejn l-Ewropa, b’approċċ ta’ Tim Ewropa.
F’Lulju 2024, l-UE ħabbret appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza fuq terminu qasir lill-Awtorità Palestinjana biex tgħin tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji l-aktar urġenti tagħha u tappoġġja l-aġenda ta’ riforma tagħha. B’valur ta’ €400 miljun f’għotjiet u self u soġġett għal progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma, dan l-appoġġ se jwitti t-triq għal Programm Komprensiv għall-irkupru u r-reżiljenza Palestinjani.
Appoġġ umanitarju
Appoġġ għall-iżvilupp
Sforzi diplomatiċi fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti
L-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati permezz ta’ sforzi msaħħa mill-ġdid fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani.
L-UE tibqa’ f’kuntatt mal-mexxejja reġjonali u tkompli bl-isforzi diplomatiċi tagħha inkluż billi:
- Tappella għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili skont id-dritt umanitarju internazzjonali
- Tirdoppja l-impenn umanitarju tagħha fir-reġjun
- Tappella għal djalogu bejn l-Iżrael u l-ġirien tiegħu biex ikomplu jżommu l-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun
- Tfittex soluzzjoni fit-tul li ġġib il-paċi u s-sigurtà għal kulħadd.
L-indirizzar ta’ kontenut terroristiku, illegali u ta’ ħsara fuq il-media soċjali
Wara l-attakki terroristiċi mill-Ħamas kontra l-Iżrael, u fid-dawl ta’ kontenut illegali u ta’ ħsara li jiċċirkola fuq il-media soċjali, il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt ma’ pjattaformi ewlenin biex tiżgura li dawn jirrispettaw l-obbligi tagħhom.
- L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: jirrikjedi li l-pjattaformi online kbar ineħħu l-kontenut illegali u jieħdu miżuri biex jindirizzaw ir-riskji għas-sigurtà pubblika u għad-diskors ċiviku.
- Ir-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online: jippermetti lill-Istati Membri jibagħtu ordnijiet ta’ tneħħija għall-pjattaformi biex ineħħu kontenut terroristiku fi żmien siegħa.
M’hemmx post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda
Il-Kummissjoni qegħda wkoll iżżid l-isforzi tagħha biex tiġġieled l-antisemitiżmu u l-mibegħda anti-Musulmana fil-forom kollha tagħha, billi ssaħħaħ l-azzjoni f’varjetà ta’ politiki, inklużi s-sigurtà, il-qasam diġitali, l-edukazzjoni, il-kultura u l-isport. Dan jinkludi finanzjament addizzjonali biex jiġu protetti l-postijiet ta’ qima u se jkun appoġġjat min-nomina ta’ Rappreżentanti b’mandat espliċitu biex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-mibegħda.