Dan l-aħħar innutajt xi ħaġa differenti dwar it-tappijiet tal-fliexken tal-plastik? Din hija biss waħda mill-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-plastik. Il-plastik huwa materjal importanti fl-ekonomija tagħna li jinsab kullimkien fil-ħajja tagħna ta’ kuljum iżda jista’ jkollu impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa meta jintuża ħażin.
Mit-3 ta’ Lulju, il-fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss mibjugħa fl-UE jrid ikollhom it-tappijiet jew l-għotjien tagħhom imwaħħla magħhom. Din tista’ tidher bidla żgħira, iżda l-impatt tagħha jista’ jkun enormi. It-tappijiet jew l-għotjien tal-plastik jagħmlu parti minn kważi 26 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik iġġenerat kull sena fl-Ewropa, li ħafna minnhom jispiċċaw fuq il-bajjiet madwar id-dinja. Madwar 80% tal-iskart fil-baħar huwa plastik. Għaliex ġiet introdotta l-bidla fit-tappijiet tal-fliexken? Din hija biss waħda mill-eżiti tal-liġi tal-UE dwar il-plastik li jintuża darba biss.
Il-liġi tagħmel parti minn strateġija usa’ tal-UE dwar il-plastik biex tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi tnaqqas it-tniġġis tal-plastik u l-iskart fil-baħar u taċċellera t-tranżizzjoni tagħna lejn ekonomija tal-plastik ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi. L-istrateġija tistabbilixxi kif l-UE qed tippjana li tnaqqas l-iskart tal-plastik fl-ispettru kollu tal-produzzjoni tal-plastik. Id-Direttiva dwar il-Plastik li jintuża darba biss mhijiex “kontra l-plastik”. Hija kontra l-użu insostenibbli u l-iskart tal-plastik. Dawn huma wħud mill-oqsma fejn l-UE qed taħdem biex tnaqqas it-tniġġis tal-plastik.
Plastik li jintuża darba biss
Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss isimhom magħhom: jintużaw darba biss jew għal perjodu qasir ta’ żmien, u mbagħad jintremew. Skont ir-regoli tal-UE dwar il-plastik li jintuża darba biss, l-UE qed tindirizza l-10 oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinsabu l-aktar fil-bajjiet tal-Ewropa u qed tippromwovi alternattivi sostenibbli.
L-10 oġġetti huma
- Stikek tal-cotton buds
- Pożati, platti, straws u ħawwada
- Bżieżaq u stikek għall-bżieżaq
- Kontenituri tal-ikel
- Tazez għax-xorb
- Kontenituri tax-xorb
- Fdalijiet tas-sigaretti
- Boroż tal-plastik
- Pakketti u tgeżwir
- Wet wipes u oġġetti sanitarji
Meta alternattivi sostenibbli jkunu faċilment disponibbli u affordabbli, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma pprojbiti mis-suq tal-UE. Dan japplika għall-istikek tal-cotton buds, il-pożati, il-platti, l-istraws, il-ħawwada tax-xorb, l-istikek tal-bżieżaq u kontenituri tal-ikel u tax-xorb magħmula minn polistiren espandut, kif ukoll fuq il-prodotti kollha magħmula mill-plastik ossodegradabbli. Għal prodotti oħra tal-plastik li jintużaw darba biss, l-UE qed tiffoka fuq il-limitazzjoni tal-użu tagħhom permezz ta’, pereżempju, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tad-disinn, bħat-twaħħil tat-tappijiet mal-fliexken.
Boroż tal-plastik
Il-boroż tal-plastik ħfief spiss jintużaw darba biss, iżda jdumu sekli sħaħ biex jiddegradaw kompletament fl-ambjent naturali. Dawn huma wieħed mill-għaxar oġġetti l-aktar mormija fl-Ewropa. Skont id-Direttiva dwar il-Boroż tal-Plastik, l-UE tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-konsum tal-boroż tal-plastik ħfief ikun limitat u li jintlaħqu l-miri annwali tal-konsum. Tistipula wkoll li l-pajjiżi tal-UE jistgħu ma jippermettux li tali boroż tal-plastik jiġu pprovduti mingħajr ħlas fil-punt tal-bejgħ ta’ oġġetti jew prodotti, sakemm ma jkunx hemm alternattiva ugwalment effettiva.
Imballaġġ tal-plastik
Ir-regoli tal-UE dwar l-imballaġġ jarmonizzaw il-miżuri nazzjonali dwar id-disinn tal-imballaġġ u l-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ, kif ukoll jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. L-aħħar emenda f’dawn ir-regoli fiha miżuri aġġornati biex tiġi evitata l-produzzjoni tal-iskart mill-imballaġġ, u jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru tal-iskart mill-imballaġġ, minflok ir-rimi finali tiegħu. Ir-regoli jistabbilixxu mira għar-riċiklaġġ ta’ 50% tal-imballaġġ tal-plastik sal-2025 u 55% sal-2030.
Mikroplastiċi
Il-mikroplastiċi huma biċċiet żgħar tal-plastik, normalment iżgħar minn 5 mm. Huma persistenti, mobbli ħafna u diffiċli biex jitneħħew min-natura. Volum dejjem jikber ta’ mikroplastiċi jinsab fl-ambjent, inkluż fil-baħar u fil-ħamrija, kif ukoll fl-ikel u fl-ilma tax-xorb. Ġie stmat li bejn 200 u 600 pixxina ta’ daqs Olimpiku ta’ mikroplastiċi jiġu rilaxxati fl-ambjent b’mod mhux intenzjonat kull sena.
Fl-2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat restrizzjoni tar-REACH fuq il-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment mal-prodotti u proposta għal liġi dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik fl-ambjent. L-UE għandha l-għan li tnaqqas ir-rilaxxi tal-mikroplastik bi 30% sal-2030.
Tixtieq tgħin fil-livell tiegħek stess?
Kull sena, l-Unjoni Ewropea, fi sħubija man-Nazzjonijiet Uniti u s-Smurfs, torganizza kampanja ta’ sensibilizzazzjoni - #EUBeachCleanup - li tinkludi l-bajjiet, ix-xtut tax-xmajjar u diversi avvenimenti ta’ tindif madwar id-dinja. Ingħaqad ma’ avveniment qrib tiegħek jew oħloq wieħed int!
Għal aktar informazzjoni
Politika tal-UE dwar il-plastik
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 14 Awwissu 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni