Kull sejħa għal proposti jew offerti għandha l-kriterji, ir-rekwiżiti u l-passi proprji tagħha. Is-sejħa magħżula tiegħek se tiggwidak tul il-proċess tal-applikazzjoni.
Wara li tkun iddeterminajt li inti eliġibbli billi tissodisfa l-kriterji indikati fis-sejħa speċifika, jista’ jkollok bżonn tirreġistra f’bażi tad-data speċifika – il-linji gwida tas-sejħa se jispeċifikaw jekk u kif għandek tagħmel dan. Jista’ jkun li tixtieq ukoll issib sieħeb.
Biex tipprepara u tissottometti l-proposta tiegħek se tieħu ż-żmien, għalhekk kun ċert li tibda sew minn qabel. Id-dokumenti u t-templates kollha li se jkollok bżonn tuża se jiġu elenkati fil-linji gwida għas-sejħa li għażilt – kun ċert li ssegwihom tajjeb. Jekk tonqos milli tagħmel dan, l-awtorità kontraenti tista’ tiskwalifika l-proposta tiegħek bħala inammissibbli.
Sabiex jinkiseb finanzjament mill-UE, jeħtieġ li wieħed isegwi ċerti regoli u proċeduri. Dan huwa inevitabbli – jeħtieġ li niżguraw li kull euro jintefaq b’mod trasparenti u korrett, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, l-UE qed taħdem ukoll b’mod kostanti biex tissimplifika u timmodernizza r-regoli baġitarji tagħha u biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE biex jiffinanzjaw l-ideat tagħhom.
Biex tiġi kkunsidrata, l-applikazzjoni tiegħek trid tkun kompluta, konċiża, u sottomessa fil-ħin permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika.
Il-programmi ffinanzjati mill-UE huma implimentati b’wieħed minn tliet modi: ġestjoni diretta, ġestjoni kondiviża, jew ġestjoni indiretta. Il-proċess tal-applikazzjoni jvarja skont il-mod u l-programm li qed tapplika għalih. Tgħallem aktar dwar il-modi ta’ ġestjoni.
Ġestjoni diretta
Il-proċess tal-applikazzjoni jrid jgħaddi mill-Portal ta’ Finanzjament u Offerti tal-Kummissjoni Ewropea. Kemm għall-għotjiet kif ukoll għall-offerti, il-proċess tipiku tal-applikazzjoni jinkludi s-sejbien ta’ sejħa li inti eliġibbli għaliha, is-sejbien ta’ sieħeb fi proġett, il-ħolqien ta’ kont tal-Portal, ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni tiegħek u s-sottomissjoni ta’ proposta.
Sib informazzjoni dettaljata dwar il-Portal ta’ Finanzjament u Offerti.
Ġestjoni kondiviża
L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli mill-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, u mill-monitoraġġ u l-ġestjoni, inklużi l-pagamenti.
L-Istati Membri jridu jikkonformaw mar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), qafas legali konġunt għal tmien fondi b’ġestjoni kondiviża:
- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali,
- il-Fond ta’ Koeżjoni,
- il-Fond Soċjali Ewropew Plus,
- Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u, bħala elementi ġodda meta mqabbel mal-2014-2020:
- Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta,
- il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni,
- l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Viżi, u
- il-Fond għas-Sigurtà Interna.
Sib aktar informazzjoni fuq il-paġna tal-awtoritajiet ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali għall-baġit tal-UE għall-2014–2020. Qed tinbena paġna web b’punti ta’ kuntatt għal kull Stat Membru inkluż il-finanzjament mill-programmi tal-baġit tal-UE 2021-2027.
Ġestjoni indiretta
Jekk tapplika għal fondi ġestiti minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni taħt ġestjoni indiretta, se jkollok tikkonforma mal-proċess tal-applikazzjoni stabbilit minn dan is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li se jaġixxi bħala awtorità kontraenti. Se jkollok bżonn tiċċekkja fuq is-sit web tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni r-rekwiżiti speċifiċi għall-proċess tal-applikazzjoni.
Hawn taħt hawn eżempji ta’ siti web ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jagħtu fondi tal-UE taħt ġestjoni indiretta.
Organizzazzjonijiet internazzjonali
- Il-familja tan-Nazzjonijiet Uniti (NU)
- Il-Bank Dinji
- Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)
- Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)
- Il-Kunsill tal-Ewropa
- Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp
- Il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp
- L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD)
- Il-Kumitat Internazzjonali u Federazzjoni tas-Salib l-Aħmar
Korpi speċjalizzati tal-Unjoni
- Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
- Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)
Aġenziji deċentralizzati
L-aġenziji deċentralizzati jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE billi jwettqu kompiti tekniċi u xjentifiċi. L-aġenzji jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali f'oqsma ta' politika importanti, billi jiġbru għarfien espert tekniku u speċjalizzat kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali. Fost l-eżempji nsibu:
- Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
- L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)
- L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
- L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
- L-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)
- L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
- L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
- L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EIGE)
- Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR)
- L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO)
Impriżi Konġunti (Sħubijiet Pubbliċi-Privati)
- Inizjattiva tal-Industriji b’bażi bijoloġika
- II-Clean Sky 2
- Il-Komponenti u Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea
- L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fuel u l-Idroġenu
- Il-Fużjoni għall-Enerġija
- L-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi
- SESAR
- Shift2Rail
- L-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (EuroHPC)
Korpi Nazzjonali
L-Istati Membri jinnominaw ċerti korpi biex jimplimentaw programmi jew opportunitajiet ta’ finanzjament partikolari tal-UE, bħal
- L-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+
- organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni u li magħhom il-Kummissjoni ffirmat ftehim qafas, bħall-Agence Française de Développement (AFD), l-Agenzia Italiana per la Cooperazione allo Sviluppo (AICS), id-Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit (GIZ) GmbH, jew l-iSwedish International Development Cooperation
- Il-Banek Promozzjonali Nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU
Kif issir sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni
Entitajiet jew persuni li jixtiequ jaħdmu taħt ġestjoni indiretta jeħtieġ li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi definiti fir-Regolament Finanzjarju, li jinkwadra l-użu tal-baġit tal-Unjoni. Qabel ma jitħallew jagħmlu dan, jeħtieġ ukoll li jwettqu valutazzjoni ex ante tas-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tagħhom biex jiżguraw li l-fond tal-UE li se jingħataw se jkun ġestit b’mod sikur.