Mur għall-kontenut ewlieni
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 29 Awwissu 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Kif l-UE tista’ tgħinek issib impjieg

Shopping centre

 

Benefiċċju ewlieni taċ-ċittadinanza tal-UE hu l-prinċipju tal-UE tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Ir-regoli tal-UE jagħmluha faċli għalik biex taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE u tipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tiegħek ladarba tkun hemm. M’għandekx għalfejn tinkwieta li tfittex permess tax-xogħol fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, kemm jekk tgħix fil-pajjiż li taħdem fih kif ukoll jekk le.

Kemm jekk taħdem lokalment kif ukoll jekk taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE, tgawdi d-dritt għal trattament ugwali maċ-ċittadini nazzjonali bl-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-vantaġġi soċjali u fiskali l-oħrajn kollha. Il-liġi tal-UE tipproteġik ukoll fl-impjieg tiegħek billi tagħmilha illegali li tiġi diskriminat abbażi tal-ġeneru, l-etniċità, it-twemmin reliġjuż jew id-diżabbiltà tiegħek.

F’termini prattiċi, l-UE tista’ tgħinek tniedi lilek innifsek fis-suq tax-xogħol, billi toħloq is-CV perfett. Bis-saħħa tal-pjattaforma Europass online bla ħlas, tista’ tfassal CVs u ittri ta’ applikazzjoni personalizzati li jippermettulek tikkomunika l-kwalifiki u l-ħiliet tiegħek lill-impjegaturi fl-Ewropa kollha f’waħda mill-31 lingwa.

Imbagħad tista’ ddaħħal is-CV tiegħek fil-bażi tad-data Ewropea tal-persuni li qed ifittxu impjieg, EURES, biex taċċessa s-suq tax-xogħol kemm f’pajjiżek kif ukoll fil-bqija tal-UE. L-EURES tgħin biex jitqabblu l-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi fl-Ewropa u toffri informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiż magħżul tiegħek kif ukoll taħriġ fil-lingwa, korsijiet ta’ integrazzjoni u appoġġ ieħor ta’ wara r-reklutaġġ.

Jekk int ħaddiem professjonali (jiġifieri tabib, avukat, għalliem, infermier, spiżjar), hu importanti li tiċċekkja jekk l-ewwel jeħtieġx li l-kwalifiki professjonali tiegħek jiġux rikonoxxuti fil-pajjiż tal-UE li beħsiebek tmur tgħix fih. Ikkonsulta l-bażi tad-data tal-kwalifiki professjonali tal-UE li se tgħinek issib l-awtorità nazzjonali t-tajba biex tiggwidak fil-formalitajiet amministrattivi meħtieġa biex il-kwalifiki tiegħek jiġu rikonoxxuti. Teżisti wkoll Karta Professjonali Ewropea għal numru limitat ta’ professjonijiet li jistgħu jiksbu r-rikonoxximent tal-kwalifiki tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE online.

Ladarba tiġi stabbilit f’impjieg ġdid, hu ta’ serħan il-moħħ li tkun taf li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tiegħek huma protetti skont il-liġi tal-UE. Għalkemm kull pajjiż tal-UE għandu s-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu stess, ir-regoli ġenerali tal-UE jfissru li se tħallas il-kontribuzzjonijiet f’pajjiż wieħed biss; għandek l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini fejn int kopert u meta titlob benefiċċju, il-perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni, xogħol jew residenza f’pajjiżi oħrajn se jiġu kkunsidrati. Ta’ min jiċċekkja minn qabel x’inhuma t-termini biex titlob il-benefiċċji fil-pajjiż fejn qed taħdem. Iż-żmien li għandek tistenna qabel ma tkun tista’ titlob il-benefiċċju tal-qgħad ivarja minn pajjiż għal ieħor, pereżempju.

U x’jiġri jekk ikollok bżonn taħriġ mill-ġdid? Skont l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, l-UE qed tagħmel sforz konġunt biex tiżgura li kemm jista’ jkun individwi u negozji jkunu jistgħu jaċċessaw opportunitajiet biex jitħarrġu mill-ġdid jew itejbu l-ħiliet tagħhom. Fost diversi inizjattivi oħrajn, hi nediet, pereżempju, il-Patt għall-Ħiliet, li għandu 1,000 membru u 14-il sħubija fuq skala kbira f’setturi strateġiċi u wiegħed li jgħin fit-titjib tal-ħiliet sa 6 miljun persuna. Il-Pjattaforma Ewropea għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali toffri informazzjoni u riżorsi dwar il-ħiliet diġitali, bħal għodda ta’ awtovalutazzjoni. U aktar reċentement, l-UE nediet Riżerva ta’ Talent tal-UE u Sħubijiet ta’ Talent ma’ sħab terzi magħżulin biex tgħin fit-tqabbil tal-ħiliet tal-kandidati biex jaħdmu fl-Ewropa mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Għal aktar informazzjoni

Xogħol fl-Unjoni Ewropea

Tiċċaqlaq u taħdem fl-Ewropa

Europass

EURES

Kwalifiki professjonali

Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Is-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE

Bażi tad-data tal-professjonijiet regolati

Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa

Patt għall-Ħiliet

Pjattaforma għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali

Riżerva ta’ Talent tal-UE

Sħubiji ta’ Talent

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
29 Awwissu 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni