Litteriżmu finanzjarju
Jeħtieġ li tkun konxju tar-riskji u tal-opportunitajiet finanzjarji, biex tagħmel għażliet infurmati u tkun taf fejn għandek tmur għall-għajnuna. Kun ċert li int infurmat tajjeb dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek u tiżviluppa s-sett ta’ ħiliet tiegħek biex timmaniġġja d-dħul tiegħek u ttejjeb il-benessri finanzjarju tiegħek.
Pariri u suġġerimenti dwar kif timmaniġġja l-finanzi tiegħek:
- Aħseb sew dwar jekk għandekx bżonn prodott finanzjarju (kreditu, investiment, assigurazzjoni) li jista’ jkun riskjuż, għali jew jirrappreżenta impenn fit-tul.
- Itlob parir minn konsulent indipendenti jekk ma tifhimx offerta.
- Aqra sew l-informazzjoni prekuntrattwali u pprova qabbel l-offerti minn fornituri differenti.
- Kun ċert li taf drittijietek. Pereżempju, jekk tixtri servizzi finanzjarji online, għandek id-dritt ta’ rtirar ta’ 14-il jum bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur.
Jekk ikollok problemi ma’ fornitur ta’ servizzi finanzjarji, ikkuntattja Ċentru Ewropew tal-Konsumatur jew l-organizzazzjoni tal-konsumatur f’pajjiżek.
Riżorsi
- Aqra aktar dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek:
- Skopri aktar dwar l-inizjattivi tal-edukazzjoni finanzjarja mill-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali
Protezzjoni tad-data
Il-protezzjoni tad-data hi dwar l-iżgurar li inti tikkontrolla kif l-organizzazzjonijiet jittrattaw id-data dwarek. Dan jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet ikollhom raġuni tajba għaliex jipproċessaw id-data tiegħek, li jkunu trasparenti dwar x’jagħmlu, u li jagħmlu dan b’mod sigur.
Pariri u suġġerimenti dwar kif tipproteġi d-data tiegħek
- Le tfisser le. Jekk il-kontrolluri jitolbu l-kunsens tiegħek, dan għandu jkun liberu, speċifiku u infurmat. Pereżempju, kaxxi mmarkati minn qabel u termini wesgħin iżżejjed ma jgħoddux.
- Tista’ tirrevoka l-kunsens tiegħek jekk tibdel fehmtek u dan għandu jkun faċli daqs kemm hu faċli li tagħtih fil-bidu nett.
- Tista’ taċċessa d-data personali tiegħek li l-organizzazzjonijiet għandhom dwarek, bla ħlas. Jekk tiskopri li hi ħażina, tista’ tara li tiġi rranġata. Jekk tiskopri li qed tinħażen illegalment, tista’ tara li titħassar.
- Għandek id-dritt għall-portabbiltà tad-data f’xi każijiet, bħal li tmur għal fornitur ta’ servizz ġdid.
- Tista’ tikkuntattja awtorità tal-protezzjoni tad-data f’pajjiżek jekk ikollok problema dwar kif l-organizzazzjonijiet jittrattaw id-data personali tiegħek.
Riżorsi:
- Aqra aktar dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tiegħek:
- Skopri l-awtorità tal-protezzjoni tad-data f’pajjiżek
Sikurezza fuq l-Internet
Prodotti minn mad-dinja kollha, li jitwasslu fi djarna bi ftit clicks - dan hu l-vantaġġ tax-xiri online. L-internet għandu ħafna użi u potenzjal kbir ta’ abbuż. Jeħtieġ li tkun attent ħafna meta tixtri online, u tkun konxju mir-regoli li l-kumpaniji jridu jikkonformaw magħhom.
Suġġerimenti u pariri dwar kif tkun sikur online
- Ikkunsidra li tixtri minn xi mkien ieħor jekk il-kummerċjanti ma jipprovdux l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
- Evita li taqa’ f’nassa u kun konxju ta’ tekniki ta’ bejgħ bi pressjoni bħal:
- prodotti riklamati bħala “opportunità unika”
- dikjarazzjonijiet li prodott hu “l-uniku prodott li joffri protezzjoni effettiva”, “l-uniku kitt tal-ittestjar għall-użu fid-dar” jew li qed jinbiegħ “bl-irħas prezz fis-suq”;
- dikjarazzjonijiet ta’ skarsezza bħal “disponibbli llum biss” jew “qed jinbiegħ malajr”.
- Aqra l-indirizzi web u t-titli tal-paġni bir-reqqa, u evita li tuża paġni bi żbalji sistematiċi tal-ortografija. Dawn jintużaw ta’ spiss biex jevitaw li jiġu identifikati minn algoritmi tal-operaturi tas-siti web.
- Iċċekkja jekk il-prodotti għandhomx deskrizzjonijiet ta’ test preċiżi u li jinftiehmu.
- Irrapporta offerti mhux appoġġjati jew dubjużi. Uża l-għodod ta’ rapportar ipprovduti mill-operatur tal-pjattaforma jew ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur f’pajjiżek.
- Kun ċert li taf id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek.
Riżorsi:
- Aqra aktar dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiegħek fl-UE:
- Ikkuntattja liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur jekk ikollok problemi bix-xiri transfruntier tiegħek:
Konsum sostenibbli
Kuljum aħna nwettqu għażliet f’ħajjitna li jaffettwaw l-ambjent. Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għandhom l-għan li jagħmlu aktar u aħjar b’anqas.
Suġġerimenti u pariri dwar kif tikkonsma b’mod sostenibbli
- Aħsibha darbtejn qabel tixtri, u kkunsidra x-xiri ta’ oġġetti użati. Tixtrix smartphone ġdid meta dak li għandek bħalissa għadu jaħdem.
- Kun ċert li x-xiri tiegħek għandu benefiċċji ambjentali. Pereżempju, iċċekkja jekk għandux l-Ekotikketta tal-UE.
- Iċċekkja t-tikketti tas-sostenibbiltà b’mod ġenerali. Li tkun taf kif taqrahom jew xi jfissru jipproteġik minn dikjarazzjonijiet żbaljati fuq il-pakketti tal-prodott.
- Dur bir-rota, imxi jew aqbad it-trasport pubbliku minflok ma tmur bil-karozza jew bl-ajruplan. L-2021 hi s-Sena Ewropea tal-Ferroviji!
- Naqqas l-iskart. Meta tarmi l-ikel, tkun qed taħli r-riżorsi naturali u l-flus. Ikkunsidra li ssewwi prodott miksur minflok tixtri prodott ġdid.
Riżorsi
- Aqra aktar dwar il-Patt Ekoloġiku tal-UE
- Skopri aktar dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari
- Iċċekkja l-viżjoni għall-Politika tal-Konsumatur tal-UE u t-tranżizzjoni ekoloġika tagħha fl-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur