Mur għall-kontenut ewlieni

Adozzjoni tal-liġi tal-UE

L-UE tuża varjetà ta’ proċeduri leġiżlattivi biex tadotta l-liġijiet. Il-proċedura segwita għal proposta leġiżlattiva tiddependi fuq it-tip u s-suġġett tal-proposta. Il-maġġoranza l-kbira tal-liġijiet tal-UE jiġu adottati b’mod konġunt mill-Parlament tal-UE u mill-Kunsill, filwaqt li

Il-Parlament u l-Kunsill jadottaw proċedura leġiżlattiva ordinarja

Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-UE jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fejn il-Parlament Ewropew (elett direttament) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti minn 27 pajjiż tal-UE) ikollhom l-istess poter. Il-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament u l-Kunsill, li jridu jaqblu dwar it-test sabiex din issir liġi tal-UE. 

Kif taħdem

Permezz ta’ serje ta’ qari ta’ liġi proposta, il-Parlament u l-Kunsill jagħmlu rieżami u jemendaw it-test. Jekk iż-2 istituzzjonijiet jaqblu dwar l-emendi, il-liġi proposta tiġi adottata. Jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-emendi, isir it-tieni qari. Jekk ma jaslux fi qbil mat-tieni qari, il-proposta tmur fil-"kumitat ta' konċiljazzjoni" li jkun magħmul minn numru indaqs ta' rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill. Jattendu wkoll għal dawn il-laqgħat rappreżentanti mill-Kummissjoni u jagħtu l-kontribut tagħhom. Meta dan il-kumitat jasal għal ftehim, it-test jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill għat-tielet qari, biex ikun jista’ jiġi adottat finalment bħala liġi. Fl-okkażjonijiet rari fejn ma jaqblux, il-liġi ma tiġix adottata.

Skopri aktar dettalji dwar ir-rwol tal-Parlament u r-rwol tal-Kunsill fil-proċedura standard tal-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE.

Proċedura leġiżlattiva speċjali

Dawn il-proċeduri huma segwiti biss f’ċerti każijiet. Tipikament, il-Kunsill hu l-uniku leġiżlatur tal-UE u l-Parlament Ewropew hu meħtieġ biss jagħti l-kunsens tiegħu għal proposta leġiżlattiva jew jiġi kkonsultat dwarha. Inqas ta’ spiss il-Parlament biss (wara l-konsultazzjoni mal-Kunsill) jista’ jadotta atti legali.

Il-Kummissjoni tadotta

Il-Kunsill jew il-Parlament jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tadotta żewġ tipi ta’ atti mhux leġiżlattivi:

  • l-atti ta’ implimentazzjoni, li jintroduċu miżuri biex jiġi żgurat li l-liġijiet ikunu implimentati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE
  • l-atti delegati, li jemendaw jew jissupplimentaw il-liġijiet eżistenti, partikolarment sabiex jiżdiedu regoli ġodda mhux essenzjali 

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Reviżjoni tat-trattati

It-trattati tal-UE, li jiffurmaw il-bażi tal-liġi kollha tal-UE, jistgħu jiġu riveduti biex jadattaw il-liġijiet u l-politiki tal-UE għal sfidi ġodda. Kwalunkwe tibdil fit-trattati jirrikjedi l-qbil unanimu tas-27 pajjiż kollha tal-UE.

Hemm żewġ modi kif jiġu rriveduti t-trattati: 

  • il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tintuża meta jsiru emendi ewlenin fit-trattati, bħal żieda jew tnaqqis fil-kompetenzi tal-UE
  • il-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata tista’ tintuża biex isiru bidliet relatati ma’ politiki u azzjonijiet interni tal-UE, pereżempju, l-agrikoltura u s-sajd, is-suq intern, il-kontrolli mal-fruntieri, il-politika ekonomika u monetarja, sakemm dawn ma jestendux il-kompetenzi tal-UE

Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali

Il-parlamenti nazzjonali jirċievu l-proposti leġiżlattivi kollha tal-Kummissjoni fl-istess ħin bħall-Parlament u l-Kunsill Ewropej. Dan jagħtihom żmien biżżejjed biex jirreaġixxu għal proposti b’opinjoni.

F’oqsma fejn l-UE għandha s-setgħa li taġixxi ma’ pajjiżi tal-UE, il-parlamenti nazzjonali jiċċekkjaw jekk l-azzjoni tkunx aktar effettiva fil-livell nazzjonali jew reġjonali (il-prinċipju ta’ sussidjarjetà). Dan jissejjaħ il-"mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà".

Relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali