Mur għall-kontenut ewlieni

Regoli u prinċipji

Ir-regoli u l-prinċipji li jirregolaw il-finanzjament tal-UE huma mfassla biex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess ugwali għall-finanzjament u li l-fondi jintefqu kif xieraq.

Proċeduri trasparenti għal kulħadd

Kemm jekk qed tapplika għal għotja ġestita mill-Kummissjoni jew minn awtorità ta’ ġestjoni nazzjonali, jew qed tieħu sehem f’sejħa għall-offerti, int intitolat għal trattament ugwali u aċċess għall-informazzjoni.

Proċeduri trasparenti jfissru li s-sejħiet għall-proposti jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea. L-istess prinċipju ta’ trasparenza japplika għall-fondi tal-UE ġestiti fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Is-sejħiet għall-offerti tal-Kummissjoni huma ppubblikati fis-sit web tagħha, fis-suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-bażi tad-data Tenders Electronic Daily (TED).

L-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE ġestit direttament mill-Kummissjoni Ewropea (ismijiet u ammonti riċevuti) hija ppubblikata fis-sistema ta’ trasparenza finanzjarja (FTS).

Għal finanzjament ġestit mill-pajjiżi tal-UE, il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji hi obbligatorja wkoll. Dan jinkludi l-finanzjament ipprovdut taħt il-politika agrikola komuni, il-politika għall-affarijiet marittimi u s-sajd u l-fondi strutturali u ta’ investiment. Il-pajjiżi tal-UE jippubblikaw din l-informazzjoni fis-siti web nazzjonali tagħhom.

  • Regolament

Ir-Regolament Finanzjarju huwa l-punt ewlieni ta’ referenza għal prinċipji u proċeduri li jirregolaw l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tal-UE.

 

Protezzjoni tal-interessi tal-UE

L-EDES hi s-sistema stabbilita mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. Din ħadet post is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u l-Bażi ta’ Data Ċentrali dwar l-Esklużjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2016.