This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1273
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1273 of 30 July 2021 establishing the equivalence, for the purpose of facilitating the right of free movement within the Union, of COVID-19 certificates issued by San Marino to the certificates issued in accordance with Regulation (EU) 2021/953 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1273 tat-30 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn San Marino maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1273 tat-30 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn San Marino maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/5788
ĠU L 277, 2.8.2021, p. 151–153
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 277/151 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1273
tat-30 ta’ Lulju 2021
li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn San Marino maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirresjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa minn San Marino liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(3) |
Wara talba minn San Marino, fit-30 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema ta’ San Marino ta’ Ċertifikat Covid Diġitali (“smdcc”) huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” fihom id-data meħtieġa. |
(4) |
Fl-14 ta’ Lulju 2021, San Marino pprovda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema msemmija “smdcc”. San Marino informa lill-Kummissjoni li huwa jqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tiegħu qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, San Marino informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” fihom id-data msemmija fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(5) |
Minbarra dan, San Marino informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Bħalissa dawn jinkludu Comirnaty, Moderna, Vaxzevria, Janssen u Sputnik V. |
(6) |
Barra minn hekk, San Marino informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli biss għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku jew għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (4). |
(7) |
San Marino informa wkoll lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. San Marino informa lill-Kummissjoni li se jaċċetta prova tat-tilqim għall-vaċċini b’awtorizzazzjoni fl-UE kollha (wara opinjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), vaċċini li ngħataw awtorizzazzjoni temporanja ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE u vaċċini li lestew il-proċedura tal-elenkar għall-użu ta’ emerġenza tad-WHO. San Marino informa lill-Kummissjoni wkoll li se jaċċetta ċertifikati tat-test ibbażati fuq in-NAAT (eż. RT-PCR) u testijiet rapidi tal-antiġeni fuq il-lista tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. San Marino se jaċċetta ċertifikati tal-fejqan ibbażati fuq in-NAAT (eż. RT-PCR). |
(8) |
Fit-22 ta’ Lulju 2021, San Marino informa lill-Kummissjoni wkoll li, meta jivverifika ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati għandha tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew il-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara. |
(9) |
L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. |
(10) |
Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġin minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(11) |
Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li San Marino ikun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953. |
(12) |
Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
(13) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li San Marino jiġi konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(14) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa minn San Marino f’konformità mas-sistema “smdcc” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 2
San Marino għandu jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).
(3) Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).