Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1126

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1126 tat-8 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Iżvizzera għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/5155

    ĠU L 243, 9.7.2021, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1126/oj

    9.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 243/49


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1126

    tat-8 ta’ Lulju 2021

    li tistabbilixxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Iżvizzera għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(10) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b'mod ikkoordinat.

    (2)

    Iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini Żvizzeri jgawdu drittijiet reċiproċi ta’ dħul u residenza bbażati fuq il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (2) (l-“FMOPA”). Filwaqt li l-FMOPA, fl-Artikolu 5(1) tal-Anness I tagħha, jipprevedi l-possibbiltà li jiġi ristrett il-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, huwa ma fihx mekkaniżmu ta’ inkorporazzjoni tal-atti tal-Unjoni. Għalhekk, l-Iżvizzera hija koperta mill-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (3)

    Fl-4 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvizzera adottat ordni dwar iċ-ċertifikati tal-COVID-19 (3) (“l-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19”), li tipprovdi l-bażi legali għall-ħruġ taċ-ċertifikati tat-tilqim għall-COVID-19, tal-ittestjar għaliha u tal-fejqan minnha.

    (4)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvizzera infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli biss għall-vaċċini tal-COVID-19 awtorizzati fl-Iżvizzera. Bħalissa dawn jinkludu l-vaċċini tal-COVID-19 Comirnaty, Moderna u Janssen, li jikkorrispondu għall-vaċċini tal-COVID-19 koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2021/953. L-Iżvizzera infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija toħroġ ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 wara l-għoti ta’ kull doża u tindika b’mod ċar jekk il-kors tat-tilqim tlestiex jew le.

    (5)

    L-Iżvizzera infurmat ukoll lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli biss għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku jew għat-testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (5).

    (6)

    Barra minn hekk, l-Iżvizzera infurmat lill-Kummissjoni li hija toħroġ ċertifikati interoperabbli ta’ fejqan mhux qabel 11-il jum wara test pożittiv, li jkunu validi sa 180 jum.

    (7)

    L-Iżvizzera infurmat ukoll lill-Kummissjoni li s-sistema tagħha għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-COVID-19 f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 (6).

    (8)

    Fid-9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni kienet wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 huma teknikament kapaċi li jiġu vverifikati mill-Istati Membri bl-użu tal-qafas ta’ fiduċja stabbilit abbażi tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (9)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2021, l-Iżvizzera pprovdiet ukoll assigurazzjonijiet formali li se taċċetta ċertifikati maħruġin mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (10)

    B’mod partikolari, l-Iżvizzera infurmat lill-Kummissjoni li meta taċċetta prova tat-tilqim sabiex twarrab ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti, f’konformità mal-FMOPA, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, hija taċċetta wkoll, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-tilqim maħruġin mill-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċin tal-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-Iżvizzera tista’ taċċetta wkoll, għall-istess fini, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġin mill-Istati Membri f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), vaċċin kontra l-COVID-19 li d-distribuzzjoni tiegħu tkun ġiet awtorizzata temporanjament skont l-Artikolu 5(2) ta' dik d-Direttiva, jew vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun lesta l-proċedura ta’ elenkar għall-użu ta' emerġenza tad-WHO. Meta l-Iżvizzera taċċetta ċertifikati tal-vaċċinazzjoni għal vaċċin tal-COVID-19 minn dawn, hija taċċetta wkoll, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġin mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għall-istess vaċċin tal-COVID-19.

    (11)

    L-Iżvizzera infurmat ukoll lill-Kummissjoni li meta l-Iżvizzera titlob prova ta' test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 biex tneħħi r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti, f'konformità mal-FMOPA u wara li tqis is-sitwazzjoni speċifika tal-komunitajiet transfruntieri, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, hija taċċetta wkoll, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-testijiet li jindikaw riżultat negattiv maħruġin mill-Istati Membri f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (12)

    L-Iżvizzera infurmat ukoll lill-Kummissjoni li meta l-Iżvizzera taċċetta prova tal-fejqan mill-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 sabiex tneħħi r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti, f’konformità mal-FMOPA, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, hija taċċetta, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tal-fejqan maħruġin mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (13)

    Fl-istess ħin, fid-9 ta’ Ġunju 2021, test tekniku kien wera li ċ-Ċertifikati Diġitali tal-COVID tal-UE maħruġin mill-Istati Membri huma teknikament kapaċi li jiġu vverifikati mill-Iżvizzera bl-użu tal-qafas ta’ fiduċja stabbilit abbażi tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (14)

    L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 iridu jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma b’hekk preżenti.

    (15)

    Għalhekk, iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953. Għaldaqstant, meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni, tal-fejqan mill-infezzjoni tas-SARSCoV2 jew ta’ test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV2 sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fis-seħħ biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, huma jridu jaċċettaw ukoll, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni għal vaċċin tal-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004, ċertifikati ta’ fejqan, jew ċertifikati tal-ittestjar li jindikaw riżultat negattiv, maħruġa mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19. L-Istati Membri setgħu jaċċettaw ukoll, għall-istess fini, ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġin mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 għal vaċċin tal-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-awtorità Żvizzera kompetenti iżda li ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

    (16)

    Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

    (17)

    Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Iżvizzera tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    (18)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Iżvizzera tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (19)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, tal-ittestjar għaliha u tal-irkupru minnha maħruġin mill-Iżvizzera f’konformità mal-Ordni Żvizzera dwar iċ-Ċertifikat tal-COVID-19 għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 2

    L-Iżvizzera għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

    (2)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

    (3)  Verordnung vom 4. Juni 2021 über Zertifikate zum Nachweis einer Covid-19-Impfung, einer Covid-19-Genesung oder eines Covid-19-Testergebnisses (Covid-19-Verordnung Zertifikate), AS 2021 325/ Ordonnance du 4 juin 2021 sur les certificats attestant la vaccination contre le COVID-19, la guérison du COVID-19 ou la réalisation d’un test de dépistage du COVID-19 (Ordonnance COVID-19 certificats), RO 2021 325/Ordinanza del 4 giugno 2021 concernente i certificati attestanti l’avvenuta vaccinazione anti-COVID-19, la guarigione dalla COVID-19 o il risultato di un test COVID-19 (Ordinanza sui certificati COVID-19), RU 2021 325.

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 30.6.2021, p. 32).

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).


    Top