Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1949

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1949 tat-13 ta’ Ottubru 2022 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u t-Tokelau maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/7423

    ĠU L 268, 14.10.2022, p. 46–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1949/oj

    14.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 268/46


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1949

    tat-13 ta’ Ottubru 2022

    li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u t-Tokelau maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirresjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u t-Tokelau liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u t-Tokelau liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (3)

    Fil-15 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1993 (3), li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand permezz tas-sistema “My Covid Record” maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (4)

    Fid-19 ta’ April 2022, il-Kummissjoni ġiet informata minn New Zealand li l-Gżejjer Cook, Niue u Tokelau talbu biex issir applikazzjoni għal estensjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1993 sabiex tkopri ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa fil-Gżejjer Cook, f’Niue u fit-Tokelau. Kif innotat minn New Zealand, il-Gżejjer Cook u Niue huma stati awtonomi f’assoċjazzjoni ħielsa ma’ New Zealand, filwaqt li Tokelau huwa territorju mhux awtonomu ta’ New Zealand. It-talba ta’ New Zealand saret fl-eżerċizzju tal-obbligi li jitqiesu l-interessi vitali tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau.

    (5)

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġiet ipprovduta informazzjoni dettaljata minn New Zealand dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati interoperabbli tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau permezz tas-sistema bl-isem “My Covid Record”, jiġifieri s-sistema koperta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1993. New Zealand informat lill-Kummissjoni li hi tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau bl-użu tas-sistema “My Covid Record” qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (6)

    New Zealand informat lill-Kummissjoni wkoll li l-Gżejjer Cook, Niue u t-Tokelau jaċċettaw ċertifikati interoperabbli tal-vaċċinazzjoni u tat-test maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (7)

    Fil-25 ta’ Lulju 2022, wara talba minn New Zealand li saret f’isem il-Gżejjer Cook, Niue u t-Tokelau, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 maħruġa min New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, f’Niue u fit-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953, li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” fihom id-data meħtieġa.

    (8)

    Minbarra dan, New Zealand informat lill-Kummissjoni li hija toħroġ ċertifikati interoperabbli tal-vaċċinazzjoni għall-vaċċini kontra l-COVID-19 fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau, li bħalissa jinkludu l-Comirnaty.

    (9)

    New Zealand infurmat ukoll lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku u għat-testijiet tal-antiġeni maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 (5), fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau.

    (10)

    Barra minn hekk, New Zealand informat lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati interoperabbli tal-fejqan fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau.

    (11)

    Minbarra dan, New Zealand informat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fil-Gżejjer Cook, f’Niue u fit-Tokelau jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati l-vaċċinazzjoni jew ir-riżultat tat-test tad-detentur u mhumiex se jżommu d-data wara.

    (12)

    L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (13)

    Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġin minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” jenħtieġ li jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (14)

    Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-konnessjoni ta’ New Zealand mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1993 tiġi estiża biex tkopri ċ-ċertifikati maħruġa fil-Gżejjer Cook, f’Niue u fit-Tokelau.

    (15)

    Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

    (16)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li l-konnessjoni ta’ New Zealand mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tiġi estiża malajr kemm jista’ jkun biex tkopri ċ-ċertifikati maħruġa fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni u tat-test kontra l-COVID-19 maħruġa minn New Zealand fir-rigward tal-Gżejjer Cook, ta’ Niue u tat-Tokelau f’konformità mas-sistema “My Covid Record” għandhom, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 2

    Il-konnessjoni ta’ New Zealand mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 għandha tiġi estiża biex tinkludi ċ-ċertifikati koperti mill-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1993 tal-15 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn New Zealand maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 405, 16.11.2021, p. 20).

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1).


    Top