This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1478
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1478 of 14 September 2021 establishing the equivalence, for the purpose of facilitating the right of free movement within the Union, of COVID-19 certificates issued by the Faroe Islands to the certificates issued in accordance with Regulation (EU) 2021/953 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1478 tal-14 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1478 tal-14 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/6747
ĠU L 325, 15/09/2021, p. 39–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/39 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1478
tal-14 ta’ Settembru 2021
li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 jipprevedi l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza jenħtieġ li japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
(3) |
Fit-12 ta’ Lulju 2021, il-Gżejjer Faeroe ipprovdew informazzjoni dettaljata lill-Kummissjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim u tat-testijiet kontra l-COVID-19 skont is-sistema intitolata “FODGC”. Il-Gżejjer Faeroe infurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħhom qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, il-Gżejjer Faeroe infurmaw lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità mas-sistema “FODGC” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(4) |
Fit-23 ta’ Awwissu 2021, wara talba mill-Gżejjer Faeroe, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet kontra l-COVID-19 huma maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità ma’ sistema intitolata “FODGC” li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità mas-sistema “FODGC” fihom id-data meħtieġa. |
(5) |
Minbarra dan, il-Gżejjer Faeroe infurmaw lill-Kummissjoni li joħorġu ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn bħalissa jinkludu l-Comirnaty. |
(6) |
Il-Gżejjer Faeroe infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li joħorġu ċertifikati tal-ittestjar interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku biss. |
(7) |
Barra minn hekk, il-Gżejjer Faeroe infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joħorġu ċertifikati interoperabbli tal-fejqan. |
(8) |
Il-Gżejjer Faeroe infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li huma jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ŻEE skont ir-Regolament (UE) 2021/953. |
(9) |
Minbarra dan, il-Gżejjer Faeroe informaw lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fil-Gżejjer Faeroe jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u ma tinżammx wara. |
(10) |
L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità mas-sistema “FODGC” jridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma b’hekk issodisfati. |
(11) |
Għaldaqstant, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità mas-sistema “FODGC” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2021/953. |
(12) |
Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Gżejjer Faeroe ikunu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953. |
(13) |
Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
(14) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Gżejjer Faeroe jiġu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(15) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Gżejjer Faeroe f’konformità mas-sistema “FODGC” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 2
Il-Gżejjer Faeroe għandhom ikunu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).