Partiti politiċi Ewropej 

X'inhu partit politiku Ewropew?

Partit politiku Ewropew huwa organizzazzjoni li ssegwi programm politiku. Dan il-partit huwa magħmul minn partiti nazzjonali u/jew individwi bħala membri, irrappreżentat f'diversi Stati Membri u rreġistrat mal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej ("l-Awtorità"). Kif imsemmi fit-Trattati, "[i]l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni."

Kif inhu ffinanzjat partit politiku Ewropew?

Il-finanzjament kien jieħu s-sura ta' għotja operazzjonali sas-sena finanzjarja 2017. Mill-2018, il-finanzjament jieħu s-sura ta' kontribuzzjoni. Ir-regoli għal din is-sura ta' finanzjament huma speċifikati fit-Titolu XI tar-Regolament Finanzjarju. Tista' tkopri sa 90% tan-nefqa ta' partit, filwaqt li l-kumplament għandu jiġi kopert mir-riżorsi proprji, bħal miżati tas-sħubija u donazzjonijiet.

Il-fondi disponibbli għall-partiti huma bbaġitjati fuq il-linja baġitarja 402 tal-baġit tal-Parlament Ewropew.

X'jista' u x'ma jistax jitħallas mill-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE?

Il-kontribuzzjoni tista' tintuża biex jitħallas l-infiq direttament marbut mal-objettivi statutorji tal-partit, jiġifieri l-hekk imsejjaħ infiq rimborżabbli, bħal:

  • spejjeż ta' laqgħat u ta' rappreżentanza
  • spejjeż ta' pubblikazzjonijiet,
  • spejjeż amministrattivi, tal-persunal u tal-ivvjaġġar,
  • spejjeż tal-kampanji għall-elezzjonijiet Ewropej.

Il-kontribuzzjoni ma tistax tintuża, fost affarijiet oħra, biex jitħallas infiq mhux rimborżabbli bħal:

  • spejjeż ta' kampanji għal referendi u elezzjonijiet (ħlief għall-elezzjonijiet Ewropej),
  • finanzjament dirett jew indirett ta' partiti nazzjonali, kandidati għall-elezzjoni
  • ħlas ta' djun.

Min jagħmel ir-regoli tal-finanzjament?

Ir-regoli tal-finanzjament huma stabbiliti minn regolament adottat mill-Kunsill u mill-Parlament, skont l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Ir-regoli ta' implimentazzjoni huma adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew.

Liema regoli japplikaw? (mis-sena finanzjarja 2019)

X'kundizzjonijiet iridu jintlaħqu biex partit jirċievi finanzjament?

Sabiex jirċievi kontribuzzjoni mill-Parlament, partit irid jissodisfa ċerti kundizzjonijiet:

  • il-partit irid ikun irreġistrat mal-Awtorità,
  • irid ikun irrappreżentat fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas Membru wieħed tal-Parlament Ewropew,
  • irid jiġi awditjat minn awditur estern b'mandat mill-Parlament Ewropew,
  • ma jridx ikollu sanzjonijiet imposti fuqu mill-Awtorità.

Sabiex jiġi rreġistrat mill-Awtorità, il-partit irid jirrispetta l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni:

  • ikollu s-sede tiegħu fi Stat Membru kif indikat fl-istatuti tiegħu,
  • il-partiti membri tiegħu jridu jkunu rappreżentati f'tal-anqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' Parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblej reġjonali, jew; il-partiti membri tiegħu jridu jkunu rċevew, f'tal-anqas kwart tal-Istati Membri, tal-anqas tlieta fil-mija tal-voti mitfugħa f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-aktar elezzjonijiet reċenti għall-Parlament Ewropew;
  • il-partiti membri tiegħu jeħtiġilhom ma jkunux membri ta' xi partit politiku Ewropew ieħor;
  • irid josserva, b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tiegħu, il-valuri li fuqhom hija mibnija l-Unjoni kif espressi fl-Artikolu 2 tat-TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi
  • hu jew il-membri tiegħu jridu jkunu pparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jew ikunu esprimew pubblikament l-intenzjoni li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew; u
  • ma jridx ikollu skopijiet ta' qligħ.

Fil-prattika kif taħdem il-proċedura ta' finanzjament?

Hawnhekk tista' tniżżel ir-rapport qasir dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċedura ta' finanzjament (Ingliż).

Kwalunkwe partit li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jista' japplika għal finanzjament għal sena finanzjarja partikolari, billi jibgħat lill-Parlament sat-30 ta' Settembru tas-sena finanzjarja preċedenti l-applikazzjoni tiegħu u l-baġit stmat.

Ladarba l-applikazzjonijiet jiġu evalwati u approvati, il-fondi disponibbli fil-baġit tal-Parlament jitqassmu fost dawn il-partiti skont skala stabbilita:

  • 10 % jitqassmu f'partijiet indaqs,
  • 90 % jitqassmu fi proporzjon man-numru tal-Membri eletti tal-Parlament Ewropew li huma membri tal-partit.

Dan jikkostitwixxi kontribuzzjoni proviżorja, li titħallas fil-bidu ta' kull sena (pagament ta' prefinanzjament). L-ammont tal-kontribuzzjoni proviżorja ma jridx jeċċedi l-ammont imniżżel fl-applikazzjoni għal finanzjament u lanqas il-85 % tan-nefqa rimborżabbli bbaġitjata fil-baġit stmat.

L-ammont tal-kontribuzzjoni finali jiġi stabbilit is-sena ta' wara, wara l-approvazzjoni tar-rapporti annwali tal-partiti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew. L-ammont tal-kontribuzzjoni finali ma jridx jeċċedi l-ammont tal-kontribuzzjoni proviżorja u l-85 % tal-ispejjeż rimborzabbli mġarrba realment.

X'ammont jirċievu l-partiti mill-baġit tal-UE?

Id-data finanzjarja fejn tiġi rrappurtata?

Il-partiti jridu jiddikjaraw id-dħul u l-infiq kollu tagħhom fir-rapporti annwali tagħhom. Dan ir-rapport annwali jikkonsisti primarjament minn:

  • rapport tal-awditjar li jinkludi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji,
  • dikjarazzjoni finanzjarja bbażata fuq l-istruttura tal-baġit stmat,
  • dettalji tal-kontijiet fir-rigward ta' dħul, spejjeż, assi u obbligazzjonijiet,
  • lista ta' donazzjonijiet,
  • rapport ta' attività.

Ir-rapporti ta' awditjar u d-donazzjonijiet (sal-2017) tal-partiti jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.