Dwar il-KtR

​Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-leħen tar-reġjuni u l-bliet fl-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jagħti pariri dwar liġijiet ġodda li jkollhom impatt fuq ir-reġjuni u l-bliet (70% tal-leġislazzjoni kollha tal-UE).

Il-KtR huwa assemblea politika magħmula minn 329 membru u 329 sostitut mill-pajjiżi kollha tal-UE (raggruppati skont il-partit politiku u mmexxija mill-President) li jkunu ġew eletti fil-livell lokali jew reġjonali (pereżempju bħala sindki jew presidenti ta' reġjun). Huma jmorru Brussell sitt darbiet fis-sena biex jiddiskutu l-opinjonijiet tagħhom dwar leġislazzjoni proposta u biex jilħqu qbil dwar riżoluzzjonijiet dwar azzjoni ulterjuri mill-UE.

Il-Membri tal-KtR huma assistiti minn amministrazzjoni mmexxija mis-Segretarju Ġenerali.

F’din il-paġna

Prinċipji ewlenin

Il-KtR jaħdem biex iqarreb liċ-ċittadini lejn l-UE. Billi jinvolvi lir-rappreżentanti lokali u reġjonali li ta' kuljum ikunu f'kuntatt mal-preokkupazzjonijiet tal-elettorat tagħhom, iżda wkoll billi jistieden liċ-ċittadini jipparteċipaw f'avvenimenti u dibattiti differenti, il-KtR jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk bejn il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-UE.

Fatti ewlenin

  • 70% tal-leġislazzjoni tal-UE għandha impatt reġjonali u lokali dirett
  • 27 pajjiż tal-UE
  • 329 membru elett fil-livell lokali u reġjonali
  • 6 kummissjonijiet
  • 6 gruppi politiċi
  • sa 6 sessjonijiet plenarji fis-sena
  • aktar minn 50 opinjoni adottata kull sena

Dikjarazzjoni tal-missjoni

L-azzjoni politika tagħna hija bbażata fuq il-konvinzjoni li l-kooperazzjoni bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali hija essenzjali biex tinbena unjoni dejjem eqreb u li tipprovdi appoġġ reċiproku fost il-popli tal-Ewropa u twieġeb għall-isfidi tal-globalizzazzjoni.​​

Governanza f'diversi livelli

Il-ħidmija fi sħubija hija pilastru ieħor tal-ħidma tal-KtR. Fi kliem ieħor, il-KtR jemmen f'azzjoni kkoordinata bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

Sussidjarjetà

Il-proċess leġislattiv kollu tal-UE għandu jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jfisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell tal-gvern li l-aħjar jaqdi l-interess pubbliku – lokalment meta jkun possibbli.

Il-membri tal-KtR huma affiljati ma' gruppi politiċi?

Il-membri tal-KtR huma raggruppati skont l-affiljazzjoni politika tagħhom:

Il-gruppi ġeneralment jiltaqgħu qabel kull sessjoni plenarja. Kull sena jista' jkollhom ukoll żewġ laqgħat straordinarji (li jsiru barra minn Brussell).

X'inhu l-baġit annwali tal-KtR?

Il-baġit annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni jkopri l-ispejjeż għall-persunal u l-membri politiċi tiegħu, l-interpretazzjoni kif ukoll l-attivitajiet ta' komunikazzjoni. Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-baġit tal-istituzzjonijiet tal-UE u kif jintuża żur il-paġna tal-baġit tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea.

X'impatt għandu l-KtR?

L-UE mhijiex obbligata tqis l-opinjonijiet tal-KtR, iżda fil-prattika tqishom, fi gradi differenti (ara r-rapporti annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-segwitu tal-opinjonijiet tal-KtR, flimkien mar-rapporti t a' impatt tal-KtR).

Kemm jitħallsu l-membri?

Il-membri jitħallsu biss l-ispejjeż marbuta mal-attendenza tagħhom fil-laqgħat u din l-attendenza tiġi rreġistrata fil-minuti tal-laqgħat kollha disponibbli fil-Portal tal-Membri flimkien mad-dettalji personali tagħhom u l-attività tagħhom fil-laqgħat.

Multimedia

Dokumenti